L-awtoritajiet fl-Iskozja żvelaw li raġel Libjan akkużat b’li produċa l-bomba li, fl-1988, qerdet l-ajruplan tal-linja Pan Am fuq Lockerbie, qiegħed jinżamm arrestat fl-Istati Uniti.
Dan wara li l-awtoritajiet fl-Istati Uniti, sentejn ilu, kienu ddikjaraw l-akkużi speċifiċi kontra s-suspettat, Abu Agila Masud, fost allegazzjonijiet li dan il-Libjan kellu rwol prinċipali fl-isplużjoni tal-bomba fuq l-ajruplan Boeing 747 li ħalliet 270 mejtin fil-21 ta’ Diċembru tal-1988.
Il-vittmi fl-isplużjoni kienu l-259 passiġġieri kollha fuq il-jumbo jet li kien qed jivvjaġġa minn New York lejn Londra. Intant, 11-il persuna oħra wkoll mietu fl-inħawi ta’ Lockerbie, fl-iskozja, wara li l-fdalijiet tal-ajruplan niżlu direttament għal fuq ir-residenzi tagħhom.
Ix-xahar li għadda kien irrappurtat li Masud kien inħataf minn grupp ta’ milizzji fil-Libja, fost l-ispekulazzjoni kontinwa li hu kellu jitressaq lill-Istati Uniti biex jgħaddi ġuri.
Fl-2001, l-eks aġent tas-servizzi sigrieti Libjani, Abdelbaset al-Megrahi, kien ikkundannat dwar l-isplużjoni ta’ Lockerbie wara proċess tal-qorti speċjali li sar fl-Olanda taħt il-ġurisdizzjoni tal-Iskozja.
Megrahi kien weħel il-ħabs għal għomru iżda, fl-2009, ingħata l-libertà mill-Gvern Skoċċiż li kien bagħtu lura d-dar wara li nstab li hu kien qed ibati minn marda terminali. Abdelbaset al-Megrahi – li dejjem insista dwar l-innoċenza tiegħu — miet fil-Libja fl-2012 u jibqa’ l-uniku raġel li qatt spiċċa kkundannat dwar il-qerda ta’ Titjira 103 tal-Pan Am fuq Lockerbie.
Sadanittant, fil-jiem li ġejjin mistenni joħroġ aktar dwar dan il-kapitlu ġdid fuq it-tema ta’ Lockerbie.
Dan meta l-pulizija u l-prosekuturi, li qegħdin jaħdmu u jikkollaboraw mal-Gvern tar-Renju Unit u l-kollegi tagħhom fl-Istati Uniti, huma determinati biex ikomplu bl-investigazzjoni dwar il-każ Lockerbie li baqa’ ma kellu qatt konklużjoni sodisfaċenti għall-qraba tal-vittmi.
L-impenn għandu jkompli bil-ħsieb li, xi darba, issir il-ġustizzja ma kulmin seta’ kien involut fl-attakk tal-1988….Attakk li l-memorji tiegħu għadhom qed iqanqlu l-emozzjonijiet kbar, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena.
//= $special ?>