Lokali

Il-Ministru tal-Ġustizzja jqabbel l-liġi tal-abort mal-liġi tas-self defence

F’intervista mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard spiċċa jqabbel l-abort mal-liġi tad-Difiża Leġittima sabiex jipprova jiġġustifika l-fatt illi l-emenda li ressaq għall-Kodiċi Kriminali essenzjalment tfisser l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Dan skont dak li qed jgħidu t-tobba u l-esperti legali, kif ukoll diversi esponenti ewlenin tal-Partit Laburista stess.

Mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru tal-Ġustizzja stqarr li l-kritika li qed issir hija diżonesta. U kien hawn li qabbel l-abort mas-self defence; għaliex stqarr li meta missirijietna kienu daħħlu dik il-liġi ma nfetħitx tieqa għad-delitti.

Hu jgħid ukoll li l-Gvern, f’din il-kwistjoni, qed ikun responsabbli u onest. Dan meta l-Labour, fil-verità, m’għandux mandat elettorali biex idaħħal l-abort f’pajjiżna.

Mistoqsi dwar il-possibbiltà ta’ referendum, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li ma jaqbilx li l-abort jiġi deċiż b’referendum – għaliex stqarr li din hija kwistjoni ta’ ħajjet l-omm. U fl-ebda ħin ma semma’ ħajjet it-tarbija fil-ġuf.

Intant, f’ittra mibgħuta lil Net News, il-Ministeru tal-Ġustizzja ikkonferma dak li qal il-Ministru fl-intervista:

“Żleali u diżonest qed ikun min qed jgħid li din l-emenda hija tieqa għallabort. Meta missirjietna daħlu eċċezzjonijiet oħrajn bħal-Leġittima Difiża (Self Defence), per eżempju, ħadd ma qagħad jgħid li qed niftħu tieqa għal aktar delitti.”