“Il-poplu Malti huwa poplu solidali u li jaf iħobb – u llum qed niċċelebraw propju dan kollu.”
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta indirizza lin-nies miġbura fi Pjazza San Ġorġ fi tmiem il-Fun Run tal-President.
Bernard Grech fakkar kif il-Maltin qatt ma jagħlqu għajnejhom lejn il-bżonnijiet tan-nies, u appella biex ma nħallux weħidhom lil dawk li jinsabu fis-solitudni.
Il-Kap tal-PN appella wkoll lin-nies biex jappoġjaw lill-Istrina.


Il-President ta’ Malta George Vella irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw fil-Fun Run, u fakkar kif dawn il-fondi se jmorru favur persuni li huma verament fil-bżonn.
“Ejjew ma nħallux diviżjonijiet bejnietna”, stqarr il-President Vella.
Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu tkellem dwar il-valuri tal-poplu Malti. Fil-messaġġ tiegħu, Robert Abela irrefera għal temi li bħalissa mhux naqblu fuqhom bħala poplu, iżda appella biex jiġu rispettati l-opinjonijiet varji.
Fi Pjazza San Ġorġ tkellem ukoll Mark Cutajar, chairperson tal-Kumitat Organizzativ tal-Fun Run kif ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta.
Intant, l-appuntament li jmiss għall-Community Chest Fund hija l-Istrina li se ssir fis-26 ta’ Diċembru.