Il-poplu Britanniku qed jiffaċċja ġimgħatejn ta’ borra u silġ kważi mingħajr preċedent u li qed jirriżultaw f’kaos u konfużjoni kbira għas-sewwieqa f’dawn il-jiem ta’ qabel il-Milied.
Il-Met Office, fi tmiem il-ġimgħa, ħabbar perjodi fit-tul ta’ ċpar iddominat mill-friża u li, minbarra li qed jirrendu l-livell ta’ viżibbiltà bħala negliġibbli, kapaċi jirriżultaw f’sitwazzjonijiet perikolużi għal ħajjet iċ-ċittadini.
L-aħħar tbassir meteoroloġiku kien ta’ ġranet u iljieli fejn it-temperaturi jinżlu għal 12-il grad Celsius taħt iz-zero – u li jfisser, fi kliem uffiċjali, li l-Britanniċi ‘ikunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ friża akbar minn tal-Iżlanda.’
Fi tmiem il-ġimgħa kien hemm sitwazzjonijiet fejn is-sewwieqa kellhom jabbandunaw il-vetturi tagħhom peress li l-kundizzjonijiet tas-sewqan kienu wisq perikolużi – u wara li huma spiċċaw għal sigħat weqfin fil-borra.
Fil-fatt, il-pulizija avżat lin-nies biex ma jużawx it-toroq minħabba r-rapporti tal inċidenti li kienu qed jidħlulhom minn siegħa għall-oħra.
Sadanittant, bnadi sħaħ tar-Renju Unit jinsabu taħt mantell ta’ borra – speċjalment fl-inħawi ta’ Bristol, Herefordshire, Cumbria u Sheffield u fost stennija ta’ aktar inżul ta’ borra fuq ir-reġjuni lejn ix-Xlokk tal-Ingilterra.
Mistennija li jinżlu talanqas erba’ pulzieri ta’ borra fuq l-inħawi ta’ Kent, Essex u Londra, bil-borra għandha tkompli nieżla fuq ir-Renju Unit matul il-ġimgħa d-dieħla.
Il-kundizzjonijiet ħorox anki qed jaffettwaw lil-linji tal-ajru, b’talanqas 50 titjira dalgħodu jispiċċaw ikkanċellati fl-ajruport ta’ Heathrow. Dan fost rapporti dwar is-sriebet straordinarji ta’ passiġġieri li spiċċaw jistennew it-titjiriet rispettivi f’dan it-terminal ewlieni ta’ Londra.
L-elementi kiefra tax-xitwa qegħdin jolqtu wkoll lir-reġjuni ta’ Wales lejn ix-xlokk flimkien mal-ibliet Skoċċiżi ta’ Glasgow u Aberdeen.
//= $special ?>

