Iċ-champions renjanti Birkirkara estendew il-mixja ta’ bla telfa tagħhom fl-Assikura Women’s League għal 75 logħba wara r-rebħa drammatika ta’ 1-0 kontra l-isfidanti għat-titlu Swieqi United.
Iż-żagħżugħa Sara Saliba skorjat il-gowl importanti għall-Istripes, ħames minuti mit-tmiem, biex tat lit-tim tagħha rebħa kruċjali fid-dawl tat-tellieqa għat-titlu ta’ dan l-istaġun.
Għal Saliba, dan kien it-tieni gowl tagħha f’dan l-istaġun bil-kuluri ta’ Birkirkara.
Immexxija minn Jose Borg, Birkirkara issa għandhom l-istess numru ta’ punti, 14, daqs l-istess Swieqi.
Madankollu, huma potenzjalment fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fuq Swieqi wara li kienu 4-0 kontra San Ġwann qabel mal-partita ġiet abbandunata minħabba l-maltemp.
Għal din il-logħba, il-kowċ Borg beda bi tliet żgħażagħ b’Saliba, Mariah Cardona u Veronique Mifsud fil-formazzjoni inizzjali.
Il-midfielder Taljana Gaia Milan bdiet ukoll mill-bidu filwaqt li Marta Grosso daħlet tard fit-tieni taqsima.
Swieqi, min-naħa tagħhom, ħarġu bl-aktar formazzjoni b’saħħitha fosthom il-barranin Cynthia Konlan, bejn il-lasti, Rafanny Mendoza, Tatiana Hawkins u Rebecca Atinga.
Mġarr United u Hibernians approfittaw miż-żelqa ta’ Swieqi hekk kif it-tnejn irreġistraw rebħiet kontra San Ġwann u Mtarfa rispettivament.
Il-Greens, taħt il-gwida ta’ Michael Mangion, għelbu lil San Ġwann bl-iskor ta’ 4-1 b’Abigail Camilleri tiskorja doppjetta.
Leanne Cefai u Kelly Agius skurjaw il-gowls l-oħra għall-Greens hekk kif irreġistraw ir-raba’ rebħa tal-istaġun, u issa jinsabu punt wieħed biss taħt Swieqi.
San Ġwann, li għadhom l-uniku tim bla punti, skurjaw il-gowl tagħhom permezz ta’ Julia Egging.
Intant, Hibernians umiljaw lil Mtarfa 10-0, bil-Pawlisti jiftħu vantaġġ ta’ seba’ gowls fl-ewwel taqsima.
Alexis Espitia skurjat erba’ gowls hekk kif issa hija l-aqwa skorer tal-kampjonat b’seba’, f’parità ma’ Lexine Farrugia ta’ Raiders Lija.
Chloe Ann Ellul skorjat darbtejn bil-gowls l-oħra jalsu minn Martina Borg, Sarah Urpani, Rodianne Zerafa u Kayleigh Chetcuti.
Hibernians jinsabu fir-raba’ post bi 12-il punt filwaqt li Mtarfa jibqgħu bi tliet punti fis-sitt post.
//= $special ?>