Lokali

Kull ħajja prezzjuża u għandu jsir kull sforz biex jitnaqqsu l-fatalitajiet mill-postijiet tax-xogħol – Ivan Castillo

Ċifri pubblikati uffiċjalment fil-jiem li għaddew jindikaw li matul is-sena l-oħra – l-2021 – f’pajjiżna kellna xejn inqas minn disa’ mwiet ta’ ħaddiema fil-post tax-xogħol fejn kienu qed jaħdmu. Barra minhekk matul din is-sena diġà kellna erbatax-il fatalità oħra.

Dwar dan tkellimt ma’ Ivan Castillo, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-politika nazzjonali dwar ix-xogħol, li beda biex fisser li kull ħajja hi prezzjuża ħafna u kull ħajja hi unika u għalhekk għandu jsir l-isforz massimu biex fil-postijiet tax-xogħol – f’kull post tax-xogħol – isir l-impenn totali biex ikunu evitati inċidenti kemm kbar u anki inqas kbar.

“Mhi sabiħa xejn li persuna toħroġ għax-xogħol u ma tirritornax. Ma hi sabiħa xejn li persuna tmur taqla’ l-ħobżna ta’ kuljum għaliha u għall-familja tagħha u tispiċċa tħalli ħajjitha fil-post fejn taħdem. Dawn huma ġrajjiet li jnisslu niket u dieqa kbira u għandu jsir dak kollu possibbli biex ħajjet il-ħaddiema fil-post fejn jaħdmu tkun salvagwardatha.

“Naturalment hemm diversi modi dwar dan. Ibda mill-edukazzjoni u t-taħriġ u kompli fl-importanza li l-ħaddiema jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħmir kollu meħtieġ – inkluż l-ilbies protettiv – li jridu jagħmlu użu minnu fil-qadi tad-doveri tagħhom. It-tagħmir għandu jkun services b’mod regolari u l-ilbies għandu jintlibes u mhux qiegħed hemm biss għall-apparenza,” beda biex qal Ivan Castillo.

Hu kompla li n-numri ta’ fatalitajiet fil-postijiet tax-xogħol li kellna matul l-2021 kien wieħed mill-iktar għoli u preokkupanti li kellna f’dawn l-aħħar snin, hekk kif disa’ ħaddiema tilfu ħajjithom waqt li kienu għall-ħidma.

Barra minhekk matul l-ewwel għaxar xhur u nofs ta’ din is-sena diġà kellna tlettax-il fatalità oħra. U ma’ dawn irridu nżidu l-2,325 ħaddiem li matul l-2021 korrew waqt ħidmiethom iżda mhux b’mod fatali.

“Dawn huma inċidenti li iżda jistgħu jaffettwaw psikoloġikament kemm lil min isofri feriti serji li jħalluh b’diżabbiltà għal għomru, kif ukoll lill-familjari tiegħu li jkollha taddatta għar-realtà l-ġdida li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħha bla mistenni.

“Apparti hekk irridu nieħdu in konsiderazzjoni l-istress psikoloġiku u danni mentali li l-ħaddiema jsofru fuil-post tax-xogħol tagħhom. Dannu kbir għal saħħet il-ħaddiem li iżda ma jkunx ikkalkulat fl-ebda statistika. Dannu li jista’ jkun permanenti u jaffettwa mhux biss lill-ħaddiem ikkonċernat iżda wkoll lill-kollegi tiegħu u lil-familtu.” Ivan Castillo kompla li dawn huma sitwazzjonijiet li saħansitra jistgħu jwasslu biex ħaddiem jitlef il-post tax-xogħol tiegħu u jingħata kumpens miżeru. Litteralment bħal meta għasart lumija u armejtha lil hemm għax m’għandekx iktar bżonnha!

Hu qal li jeħtieġ li min imexxi lil dan il-pajjiż jibda jifhem u japprezza iktar il-valur tal-ħaddiema tagħna. Huma ta’ liema nazzjonalità huma. Kull min qed jaħdem f’pajjiżna qed jikkontribwixxi għall-ekonomija tagħna. Almenu, bħala pajjiż irridu niggarantixxu li apparti l-paga u l-kundizzjonijiet, ħafna drabi kważi prekarji, ma jitlifx ukoll ħajtu jew isofri xi korriment li jibdillu l-kumplament tal-għijxien tiegħu u ta’ dawk qribu.

“Jidher li s’issa min jagħmel il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam qed ifalli. Qed jinqos lejn il-ħaddiema tagħna. Qed jitratta lill-ħaddiema bħala numri. Jonqos wieħed u malajr inġibu ieħor minn x’imkien ieħor! Nemmen li min iħaddem m’għandux jitpoġġa fil-pozizzjoni li jsibu lilhom infushom issa,  fejn ma jistgħux isibu ħaddiema. iżda żgur huwa fl-interess ta’ kulħadd li qed jaħdmu f’ambjent sigur u li ma jagħmlux ħsara lilhom infushom jew lill-oħrajn.

“Hawnhekk indur lejn l-involviment tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol, (OHSA). Nemmen li qed jagħmlu biċċa xogħol tajba. Imma sinċerament naħseb li apparti li mhux biżżejjed minħabba nuqqas serju jew riżorsi, jeħtieġ li din l-Awtorità taġixxi u jkollha s-saħħa ta’ vera Awtorità. L-ammont ta’ impjegati li għandha huwa baxx ħafna. Mill-35 ħaddiem, sittax huma fl-amministrazzjoni filwaqt li dsatax huma tekniċi u professjonisti fil-qasam. Jeħtieġ li l-pjan tal-2020 biex in-numru ta’ impjegati jitla’ għal 43 jidħol fis-seħħ minnufih.”

Ivan Castillo kompla li dan meta tqis li matul l-2021, l-Uffiċjali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol għamlu 4,159 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol diversi tax-xogħol u ħarġu 573 ordni biex iwaqqfu attività irregolari ta’ xogħol. Il-multi kienu jammontaw għal kważi €300, 000. Jidher li iżda dan mhux qed iwassal biex jonqsu l-falatijiet. Anzi kif rajna, fl-2021 dawn telgħu għal disgħa., l-iktar figura għolja wara dik tal-2004.

Mistoqsi dwar ir-Rapport Annwali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol, Ivan Castillo jispjega li dan jisħaq li l-idustrija tal-kostruzzjoni filwaqt li hi mutur ekonomiku qawwi, iżda qed ikun il-kawża ta’ bosta inċidenti fatali.

Għaldaqstant jeħtieġ li l-Awtorità issegwi iktar mill-qrib x’verament qed jiġri f’dan is-settur. Ir-Rapport stess isemmi kif l-abbuż tal-ħaddiema barranin u n-nuqqas ta’ għarfien fil-lingwa jistgħu wkoll ikunu kawżiet primarji għall-inċidenti fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Hemm ukoll l-idea żbaljata li l-korrimenti jseħħu biss fis-siti tal-kostruzzjoni, il-manifattura, is-servizzi u ħafna setturi oħra wkoll jikkontribwixxu għal dan in-numru.

Filwaqt li semmejna l-każ ta’ ħaddiem li weġġa’ f’sit tal-kostruzzjoni u kif dan spiċċa mormi f’ġenb ta’ triq, Ivan Casstillo b’qawwa qal: “Ma rridx nerġa’ nara ħaddiem li wara li weġġa’ sit tal-kostruzzjoni, flok ingħata l-għajnuna kif mistħoqq litteralment intrema’ fil-ġenb ta’ triq imwarrba.

“Dan in-nuqqas ta’ rispett hu kollu ġej min-nuqqas ta’ edukazzjoni u mir-regħba bla rażan għall-flus. Din hi s-sitwazzjoni li toħroġ meta aħna ħaddiema impjegati minn fuq ir-roundabout u ma nagħmlu xejn biex inwaqqfuha!”

Mistoqsi dwar inċidenti fil-postijiet tax-xogħol li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux rapportati kif suppost isir, Ivan Castillo fisser li: “Hu fatt ukoll magħruf li numru ta’ inċidenti ma jkunux irrapportati peress li numru ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu fl-industruija tal-kostruzzjoni m’humiex reġistrati ma’ l-ebda Awtorità f’pajjiżna. Allura jibżgħu li jiġu deportati jew imkeċċijja mix-xogħol tagħhom.

“Għalhekk jeħtieġ li l-Uffiċjali f’din l-Awtorità jiżdiedu. Xogħol l-Awtorità hu l-prevenzjoni tal-inċidenti u l-edukazzjoni ta’ min iħaddem u min hu impjegat Maltin u barranin.”

Mistoqsi dwar dik li hi magħrufa bħala ‘skill card’, Ivan Castillo qal li din għandha tkun tkopri l-għarfien fil-lingwa, l-għarfien fl-użu tal-makkinarju, l-għarfien tar-riskji li jġorr miegħu kull post tax-xogħol speċjalment b’dawk riskju għoli kif ukoll l-għarfien fis-sengħa kif ukoll għarfien fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati infushom kif ukoll tal-kollegi tagħhom. Dawn huma biss ftit mill-vantaġġi tal-iskill card.

“Jeħtieġ ukoll kampanja edukattiva għal min iħaddem u kull min hu responsabbli mill-impjegati tiegħu anke f’livelli ta’ supervisors u livelli maniġerjali.

“Tajjeb li dawn tal-aħħar ikunu jafu u jifhmu r-resposabbiltajiet tagħom u kif jistgħu jikkontribwixxu għal post tax-xogħol aħjar u sigur.

“L-Att tas-Saħħa u s-Sigurtà tas-sena 2000 jeħtieġ li jkun spjegat b’termini sempliċi lil dawk kollha responsabbli mill-impjegati tagħhom.”

Tkellimna wkoll dwar id-dħul tal-liġi dwar l-użu tal-kannabis u Ivan Castillo fisser li hu ma jifhimx kif l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol ma kenitx ikkonsultata qabel daħlet fis-seħħ din il-liġi tal-użu tal-kannabis għall-użu rikreattiv. ”Jista’ min kien responsabbli għal din il-liġi jispjega in-nuqqas ta’ dan u f’liema interess saret?”

Fir-Rapport tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol kien hemm biss tliet sentenzi fuq din il-kwistjoni! “U dan kien biss biex jispjegaw li ħadu sehem f’diskussjoni organizzata minn ħaddiehor! Din prijorità!

“Hemm bżonn aktar studji u ħin biex jiġu evalwati l-aħjar il-prekazjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu. Bosta msieħba qed jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà ħafna. Niddejjaq nara li lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol tmur kontra r-reputazzjoni tajba li għandha.”

Hu enfasizza li hu essenzjali li din l-Awtorità tibqa’ imparzjali mill-Gvern u wkoll li ma tkunx kompjaċenti. Jeħtieġ li tiżgura li tagħmel ix-xogħol tagħha irrispettivament mill-Gvern hu minn hu, peress li l-ħajja tan-nies hi litteralment f’riskju!

Hu temm li “b’dispjaċir inħoss li l-Gvern mhux veru jinteressah mis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna. Jidher ċar li l-priorità hi li nkabbru l-ekonomija għad-detriment ta’ saħħet il-ħaddiema Maltin u barranin.

“Dan mhux sew. Dan hu nuqqas serju li jien se nagħmel minn kollox biex nara li jkun indirizzat u jittieħdu l-passi neċessarji li hemm bżonn. Għalija il-ħajja ta’ kull ħaddiem hi importanti. Ħadd m’hu għar-rimi u kulħadd għandu valur.”