Lokali

Regoli Ewropej jitfgħu piż addizzjonali fuq it-trasport lejn Malta – Peter Agius

Skont studju li għamlet l-International Road Union (IRU) jirriżulta li container lejn Malta qed jiġi jiswa €360 ogħla minħabba r-regoli l-ġodda tal-Unjoni Ewropea li daħlu din is-sena u li jobbligaw it-trakkijiet Maltin jiġu lura Malta kull ftit ġimgħat u jipprojbixxu li t-trakkijiet milli jieqfu f’ċerti pajjiżi Ewropej.

“Dawn il-liġijiet ġodda Ewropej issa jobbligaw lill-kumpaniji Maltin li jmorru bix-xogħol fl-Italja u f’pajjiżi oħra Ewropej li jibagħtu lura bilfors it-trakk u x-xufier lejn Malta wara ftit ġimgħat biex ikunu konformi mad-Direttivi Ewropej tal-Posting of Workers.

“Minbarra dan, il-liġijiet il-ġodda issa jillimitaw in-numru ta’ waqfiet li jista’ jagħmel trakk Malti fit-territorju Ewropew,” qal Peter Agius, kandidat prospettiv tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-MEPs f’kumment lil Il-Mument wara li fil-jiem li għaddew iltaqa’ dwar dan is-suġġett ma’ rappreżentanti tal-International Road Union (IRU) li tiġbor fiha assoċjazzjonijiet minn 73 pajjiż differenti u li tiddefendi l-interessi tat-trasport bla xkiel madwar id-dinja.

Flimkien mal-International Road Union, Peter Agius iddiskuta t-tema tal-insularità ta’ Malta li qegħda tippenalizza ferm lill-konsumatur u lin-negozju Malti, aktar u aktar issa b’mod aktar qawwi minħabba l-liġijiet tat-trasport bit-trakkijiet li daħlu fis-seħħ din is-sena.

“L-Ewropa trid tifhem aħjar li l-gżejjer Maltin għandhom bżonn tattament partikolari, speċjalment fejn jidħol trasport. Il-Gvern attwali ma qabadtx art tal-makkinarju Ewropew biex jadattah għal Malta bħalma għamilna fil-passat. Jeħtieġ nagħmlu alleanzi sodi fuq il-kwistjonijiet tal-gżejjer mal-Irlanda li issa bil-Brexit spiċċat b’konnessjoni ta’ trasport anqas aġevolata, kif ukoll ma’ Ċipru, biex l-Ewropa tieħu kont tal-bżonnijiet tal-gżejjjer,” fisser Peter Agius.

Fil-kummenti tiegħu lil Il-Mument, Peter Agius spjega li għalkemm l-objettiv tad-Direttiva Ewropea li tipproteġi l-ħaddiem huwa tajjeb, il-mod kif qed jiġi applikat qed jippenalizza b’mod sproporzjonat lill-kumpaniji Maltin li issa qed ikunu fi żvantaġġ kbir meta mqabbla ma’ kumpaniji barrani bir-riżultat li jkollhom bilfors jgħollu l-prezzijiet biex ikopru l-ispejjeż.

Hu żied li x-xufier Malti qed ikollu jagħmel erbgħin siegħa triq biex jiġi lura Malta wara ftit ġimgħat. Xufier bħalu Pollakk jew Ġermaniż jieħu għaxar sigħat flok erbgħin. Il-konsumatur Malti qed ikollu jħallas il-prezz ta’ din id-differenza,” qal Peter Agius.

“Dan qed jirriżulta fi prezzijiet ogħla għal kull container sa €360 għal kull vjaġġ. Dan ifisser ukoll li kull prodott importat Malta qed iħallas bħala taxxa addizzjonali tal-insularità Maltija.”

Mal-International Road Union, Peter Agius tkellem ukoll f’dettall dwar ir-rimedji possibbli għal dan, li jinkludu emendi fil-liġijiet dwar intermodal transport li mistennija tressaq il-Kummissjoni Ewropea s-sena d-dieħla.

“Id-Direttivi Ewropej dwar it-trasport tal-merkanzija minn u lejn Malta bħalissa qed jippenalizzawna bi kbir. Bħala pajjiż irridu nagħmlu minn kollox biex ngħollu ’l fuq l-aġenda tal-familji Maltin fl-Ewropa anke fil-qasam tat-trasport għax minn dan jiddependu diversi affarijiet oħra.

“Din l-agenda bla dubju tinkludi d-dritt għal prezzijiet ta’ trasport orħos komparabbli ma’ dawk li jħallsu konsumaturi oħrajn fl-Ewropa. Huwa totalment inġust u inaċċettabbli li l-Maltin jiġu penalizzati mill-Ewropa għax qed jgħixu fi gżira,” enfasizza Peter Agius.

Hu qal li l-għoli tal-ħajja ġej minn diversi sorsi, mhux l-anqas minħabba rati ta’ trasport aktar għoljin marbutin mal-piżijiet ġodda tad-Direttivi Ewropej li daħlu fis-seħħ din is-sena.

Parti mill-impatt addizjonali fuq Malta ġej mill-fatt li Malta timporta ħafna iżda tesporta ftit. Dan it-trade deficit iwassal għal prezz tat-trasport aktar għoli minħabba l-fatt li meta t-trakkijiet jinżlu Malta mill-Italja bil-merkanzija, dawn imorru lura lejn l-Italja ħafna drabi vojta.

Minħabba dan il-prezz tat-trasport lejn Malta jrid ipatti tal-vjaġġ vojt. Il-liġijiet Ewropej adottati din is-sena ma jqisux dan il-fatt u jitrattaw lil Malta bħall-pajjiżi l-kbar li ċertament jistgħu jassiguraw trasport two-way aktar milli one-way.

Skont diversi esponenti fis-settur, Malta trid tagħmel argument aktar b’saħħtu biex il-liġijiet Ewropej jagħtu każ tal-fatt li Malta gżira mbegħda mill-kontinent Ewropew dan bir-riżultat li t-trasport tal-prodotti lejn Malta qiegħed jiġi aktar għoli minn qabel.

Peter Agius spjega wkoll ma’ Il-Mument li proprju dwar dan hu kien ressaq proposta fl-2021 lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li tobbliga lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel stima tal-impatt dettaljata meta tressaq liġijiet ġodda li jolqtu lill-gżejjer.

“Hemm prezz li qed inħallsu għall-insularità. Jiena nsistejt u se nibqa’ ninsisti li l-Ewropa tkun konxja ta’ dan il-prezz li qed iħallsu l-Maltin u l-Għawdxin,” temm Peter Agius.