Lokali Sport

AĠĠORNATA: Suċċess għall-Fun Run organizzata mill-President ta’ Malta

Fil-11:30am laħqet il-qofol tagħha l-Fun Run tal-President, illi rat il-parteċipazzjoni ta’ folla kbira ta’ persuni li ħadu sehem f’din il-ġirja u mixja b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Dawk li ħadu sehem fil-ġirja u l-mijjiet li pparteċipaw fil-mixja, ingħaqdu fiz-zona ta’ Bieb il-Bombi sabiex imbgħad baqgħu deħlin lejn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fejn hemmhekk twasslu messaġġi mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż. Dan kollu f’atmosfera ta’ festa kbira ta’ solidarjetà, bis-sehem ta’ familji, żgħażagħ, anzjani u persuni ġejjin minn kull faxxa tas-soċjetà.

Kien għall-ħabta tal-10am meta ingħata bidu għal din il-Fun Run tal-President organizzata b’risq l-Istrina; attività li minn Novermbru kellha tiġi posposta għal-lum minħabba l-maltemp.

Dalgħodu, kienu mijjiet dawk li pparteċipaw f’din il-mixja u l-ġirja li kellhom skop nobbli.

Preżenti fost l-oħrajn il-Kap tal-PN Bernard Grech, deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, kif ukoll it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan apparti diversi kumpaniji u organizzazjonijiet li appoġjaw din l-inizjattiva ta’ solidarjetà.

Bernard Grech ipparteċipa fil-mixja, flimkien mal-President Vella, illi bdiet mill-Università ta’ Malta.