It-telfa tal-Olanda kontra l-Arġentina wara l-għoti tal- penalties fissret it-tmiem ta’ Luis Van Gaal fit-tmexxija tal-Olanda u mil-lum tibda t- tmexxija ta’ Ronald Koeman.
Għal Van Gaal dik li ntemmet il-ġimgħa kienet it-tielet esperjenza tiegħu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż. Anki għal Ronald Koeman din mhux se tkun l-ewwel esperjenza fit-tmexxija tat-tim nazzjonali fejn hu kien diġa’ fit-tmun bejn l- 2018 u l-2020.
Jidher li din hi xi ħaġa normali għall-managers Olandiżi li jkollhom iktar minn perjodu wieħed fit-tmexxija tat-tim nazzjonali. Rinus Michels mexxa lit-tim f’erba’ perjodi differenti, Dick Advocaat u Luis Van Gaal tliet darbiet, Leo Beenhakker, Guus Hiddink u Ronald Koeman darbtejn kull wieħed.
Il-missjoni ta’ Koeman issa tkun l-Euro 2024, fejn l- Olandiżi jippruvaw jiksbu s-suċċess li ħafna drabi ħarbilhom. L-Olanda tilfu tliet finali tat-Tazza tad-Dinja, fl-1974 kontra l-Ġermanja tal- Punent, telfa ta’ 2-1 wara li l-Olanda kienu marru fil-vantaġġ fl-ewwel minuta, erba’ snin wara kontra l-Arġentina meta kienu megħluba 3-1 fil-ħin barrani, u fl-2010 kontra Spanja, b’gowl ta’ Iniesta fil-ħin barrani.
L-uniku suċċess għall-Olanda kien fil-Euro tal-1988 meta t-tim bi stilel bħal Gullit, Rijkaard u Van Basten għelbu lill-Unjoni Sovetika 2-0.
//= $special ?>