Bħalissa qed issir is-57 edizzjoni tal-Kompetizzjoni u Esebizzjoni Nazzjonali tal-Fotografija organizzata mill-Malta Photographic Society f’Palazzo de La Salle, fil-Belt Valletta.
Din l-esebizzjoni, li hi l-uniku waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna, tattira għadd kbir ta’ fotografi lokali li jressqu l-aħjar xogħlijiet tagħhom biex jikkompetu għall-unuri mogħtija mis-Soċjetà tal-Fotografija. Wara li f’Ottubru saret il-kompetizzjoni, l-ogħla u l-aqwa xogħlijiet artistiċi ġew magħżula u aċċettati biex jiġu esibiti.
Għal din is-sena, kien hemm 74 parteċipant li ssottomettew ir-ritratti tagħhom għal din il-kompetizzjoni, bis-sottomissjonijiet qarrbu s-700 ritratt. Minn dawn, kienu ftit iktar minn 100 ritratt li ġew stampati u magħżula għall-esebizzjoni, filwaqt li iktar minn 100 ritratt ieħor li ntwerew b’mod diġital. Fost dawn hemm il-fotografu u anke l-cameraman ta’ Media.Link Communications, Martin Agius u Joe Francalanza, rispettivament.
Id-dħul għal din il-wirja huwa b’xejn u miftuħa għall-pubbliku bejn il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru 2022 u l-Ħamis 22 ta’ Diċembru mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u s-7pm, u s-Sibtijiet bejn id-9am u s-1pm.