Futbol Sport

Challenge League: Żurrieq jaħsdu lil Żejtun u Naxxar jitilgħu fit-tieni post

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Bejn li-Ħamis u l-Ħadd intlagħabet it-13-il ġurnata tal-BOV Challenge League fejn spikkat ir-rebħa ta’ 2-1 li Żurrieq kisbu fuq Żejtun Corinthians, liema rebħa tellgħet liż-Żrieraq fil-ħames post bi 23 punt filwaqt li Żejtun tilfu t-tieni post fejn ġew maqbuża minn Naxxar Lions.

Żurrieq 2-1 Żejtun Corinthians

Żurrieq kisbu rebħa importanti fil-ġlieda għall-post mal-ewwel sitta meta rebħu lil Żejtun 2-1. Żurrieq skorjaw iż-żewġ gowls tagħhom fi spazju ta’ tliet minuti fejn l-ewwel fetħu l-iskor fil-51 minuta minn penalty ta’ Joao Vitor De Oliveira Florencio biex fl-54 minuta irdopppjaw permezz ta’ Kurt Darmanin. Żejtun daħlu fil-partita fis-66 minuta minn gowl ta’ Henrique Marcelino Motta iżda dan ma kienx biżejjed hekk kif Żurrieq irnexxielhom iżommu l-vantaġġ sat-tmiem.

Mtarfa 1-3 Sliema Wanderers

Sliema Wanderers kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u kkonsolidaw posthom fil-quċċata b’rebħa ta’ 3-1 fuq Mtarfa. Il-Wanderers fetħu l-iskor fid-39 minuta permezz ta’ Luke Anthony Muscat biex l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 favur Sliema. Fis-57 minuta t-tim immexxi minn Paul Zammit irdoppja b’gowl minn Lydon Micallef biex erba’ minuti wara Mtarfa naqsu d-distakk minn penalty fil-61 minuta mogħti minn Kurt Zammit. Sliema serħu rashom mit-tliet punti fit-82 minuta minn gowl ta’ Jake Engerer.

Naxxar Lions 2-0 Melita

Naxxar Lions telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fuq Melita b’gowl f’kull taqsima. Il-Lions fetħu l-iskor mal-kwarta logħob permezz tal-Brażiljan Edson Cerqueira Farias biex fit-tieni taqsima, propju fit-58 minuta l-Brażiljan l-ieħor Eriyks Ferreira skorja t-tieni gowl tal-partita u għal Naxxar li ssiġilla tliet punti importanti li jtellgħu lil Naxxarin fit-tieni post.

Tarxien Rainbows 4-0 Qrendi

Tarxien Rainbows żammew posthom fir-raba’ post tal-klassifika b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 fuq Qrendi, bil-gowls jaslu kollha fl-ewwel taqsima.

Ricardo Silva Faria fetaħ l-iskor wara biss erba’ minuti bit-tieni gowl jasal fit-33 minuta permezz ta’ Angel Antonio Correa Rojas. Iż-żewġ gowls l-oħra waslu minn doppjetta ta’ Emmanuel Mbong fl-34 u fit-43 minuta.

Fgura United 6-1 Vittoriosa Stars

Rebħa importanti u konvinċenti għal Fgura United meta fis-Centenary Stadium għelbu lil Vittoriosa Stars 6-1.

Aroldo Da Silva Arruda fetaħ l-iskor fir-raba’ minuta biex tmien minuti wara Miguel Tabone għamel l-iskor 2-0. Vittoriosa għamlu l-iskor 2-1 fil-41 minuta permezz ta’ Freud Gnindokponou, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima. L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess bil-Fgurin jibqgħu fil-kontroll tal-partita u fit-48 minuta skorjaw it-tielet gowl għal darb’oħra minn Miguel Tabone li għaqqad doppjetta personali. Ewertton Jose Costa Silva skorja r-raba’ gowl għal Fgura fis-57 minuta biex fis-70 u s-77 minuta waslu żewġ gowls oħra għal Fgura permezz ta’ Jeremy Micallef u Gabriel Borg rispettivament.

Maraskala 2-2 Marsa

It-tieni draw konsekuttiv għal Marsa wara d-draw drammatiku ta’ 3-3 kontra Tarxien Rainbows il-ġimgħa li għaddiet.

Kienu Marsaskala li fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls minn doppjetta ta’ Adrian Carabott fis-16 u l-35 minuta biex qabel il-mistrieħ Marsa daħlu lura fil-partita b’gowl ta’ Lucas Ribeiro De Oliveira, biex l-ewwel taqsima ntemmet b’Marsaskala 2-1 minn fuq. Marsa salvaw punt minn din il-partita kwarta mit-tmiem b’gowl ieħor ta’ Lucas Ribeiro De Oliveira.

Swieqi United 5-5 Mqabba

Fl-isbaħ logħba mit-13-il ġurnata taċ-Challenge League, Swieqi United u Mqabba spiċċaw fi draw ta’ 5-5.

Juan Pablo Morales Rengifo fetaħ l-iskor għal Swieqi fis-6 minuta, bl-Owls jirdoppjaw fl-20 minuta permezz ta’ David Emmanuel Garba. Mattia Del Negro għamel l-iskor 3-0 fl-54 minuta biex fit-63 minuta Jamie Scerri għamilhom 4-0. Ir-rimonta ta’ Mqabba bdiet fil-65 minuta minn gowl ta’ Matthew Xuereb, b’Lucas Matheus Dos Santos jagħmel l-iskor 4-2. L-istess plejer skorja tnejn oħra fil-71 u t-73 minuta biex ġab l-iskor f’parità.

Swieqi rnexxielhom jerġgħu imorru minn fuq fid-79 minuta permezz ta’ gowl ieħor minn David Emmanuel Garba iżda Mqabba salvaw punt, żewġ minuti wara minn gowl tal-Brażiljan Ronald Makalysten Melo Costa.

Lija Athletic 1-2 San Ġwann

San Ġwann kisbu r-raba’ rebħu tal-istaġun meta għelbu lil Lija Athletic 2-1 bil-gowls isiru kolla fl-ewwel taqsima. San Ġwann marru minn fuq wara biss erba’ minuti permezz ta’ Kemokoh Toure iżda Erjon Beu għamel l-iskor indaqs fit-42 minuta. Meta kollox kien qed jindika li ż-żewġ timijiet kienu dieħlin jistrieħu fi draw ta’ 1-1, minuta fuq il-ħin Daniel Sowatey poġġa lil San Ġwann minn fuq, b’dak li kellu jkun il-gowl li ta tliet punti lis-Saints

Attard 1-1 St. Andrews

Attard u St. Andrews ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1. Kienu Attard li fetħu l-iskor fil-65 minuta minn awto gowl ta’ Ian Azzopardi b’ St. Andrews isalvaw punt fit-88 minuta permezz ta’ gowl minn Luke Anthony Borg.