Se jiddiskuti l-futur tiegħu mal-President tal-Federazzjoni
Il-kowċ nazzjonali tal-Portugall Fernando Santos insista li ma għandu l-ebda indiema dwar id-deċiżjoni li jħalli lil Cristiano Ronaldo fuq il-bank tas-sostitut mill-bidu tal-logħba. Il-leġġenda Portugiża ma bediex mill-bidu għat-tieni logħba konsekuttiva u daħal fil-bidu tat-tieni taqsima, bil-Portugiżi jiġru wara r-riżultat.
Il-gowl ta’ Youssef En-Nesyri lejn tmiem l-ewwel taqsima spiċċa biex kien id-differenza bejn iż-żewġ timijiet.
“Ebda indiema. Naħseb li dan kien it-tim li lagħab veru tajjeb kontra l-Iżvizzera. Cristiano hu plejer mill-aqwa. Hu daħal meta ħsibna li kien neċessarju.” Santos kompla li jgħid li ovvjament il-plejers kienu mdejqa u jinsabu iktar imdejqa minħabba li skont hu għandhom plejers ta’ talent u kienu qed jistennew li jagħtu aktar ferħ lill-poplu Portugiż.
Santos żvela wkoll li se jiltaqa’ mal-President tal-Federazzjoni Portugiża biex jiddiskuti l-futur tiegħu. Il-kowċ ta’ 68 sena ilu fit-tmexxija tal-Portugall mill-2014 iżda jidher li l-logħba tas-Sibt setgħet kienet l-aħħar waħda tiegħu.
Hu żgur li se jibqa’ mniżżel fl-istorja tal-futbol fil-Portugall. Fl-2016 mexxa lit-tim nazzjonali Portugiż għar-rebħ tal-Kampjonat Ewropew fl-2016 u tliet snin wara l-Portugall rebħet il-UEFA Nations League.
L-impenn li jmiss tal-Portugall hu fit-23 ta’ Marzu kontra Liechtenstein, f’dik li hu l-ewwel logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2024. Fi Grupp J hemm ukoll il-Lussemburgu, il-Bożnija, l-Iżlanda u s-Slovakkja.
//= $special ?>