Xokkanti – tal-mistħija. Dawn kienu il-kummenti ta’ diversi pazjenti li it-Tnejn filgħodu marru bl-appuntament għat-test tad-demm fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u ġew nfurmati li mhumiex se jinqdew għaliex huwa 50 kuljum in-numru ta’ persuni li jistgħu jagħtu d-demm f’għodwa waħda.
Tat-Tnejn ma kinitx l-ewwel darba li pazjenti, wħud minnhom ukoll jistgħu jbatu l-konsegwenzi għal saħħithom għaliex it-tabib tagħhom ikun ordnalhom biex jagħmlu dawn it-testijiet biex ikun magħruf x’inhija l-kundizzjoni tagħhom.
Kien hemm każ fejn pazjent ilu sena jagħmel diversi appuntamenti u li iżda t-testijiet tad-demm fuqu ma jsirux minħabba li tkun qabżet dik li tissejjaħ il-kwota ta’ 50 persuna li jistgħu jagħtu d-demm. Dawn il-problemi mhumiex it-tort tal-infermiera jew tal-ħaddiema taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, imma tas-sistema bażwija li qed tiġi addottata.
Fejn qabel wieħed kien imur b’riċetta fiċ-ċentru tas-saħħa biex jagħmel appuntament għat-teħid tad-demm, u hemm ikunu jafu bl-eżatt kemm jistgħu jinqdew pazjenti, issa s-sistema hija waħda ċentraliżżata fejn pazjenti minn kull lokalità irdu jċemplu fuq numru speċifiku u jkunu dan iċ-ċentru li jibgħat il-ġurnata u l-ħin tal-appuntament.
Li qed jiġri hu li l-appuntamenti li qed jintbagħtu lin-nies huma ferm għola minn dak li jiflaħ iċ-ċentru tas-saħħa, fejn dawn jridu jlestu 50 persuna li jkollhom appuntament, bil-boroż tad-demm jittieħdu l-isptar Mater Dei sabiex isiru t-testijiet fuqhom.
Dan kollu qed joħloq inkonvjentent kbir lill-pazjenti li wara li jkollhom jistennew ix-xhur għall-appuntament, u wara jingħataw id-data u l-ħin biex imorru għat-test tad-demm, u jagħmlu s-sigħat jistennew jingħaw l-aħbar li jridu jagħmlu appuntament ieħor.
Nies li t-Tnejn filgħodu kien fiċ-Ċentru tas-Saħħa xejn ma kienu kuntenti b’dak li kien qed jiġri fejn kien hemm min minnhom ħa l-leave, tilef lecture fl-Università u tilef ix-xogħol.
Kien hemm pazjenti li qalu li kienu ġejjin mill-Mellieħa u San Pawl il-Baħar u minn lokalitajiet oħra u kienu ilhom fiċ-Ċentru tas-Saħħa sa mis-7.00am biex għall-ħabta tad-8.45am ġew infurmati li mhumiex se jinqdew.
Ir-rabja dehret evidenti fost il-pazjenti, tant li kien hemm min qed jinkwieta li jekk ikompli jtawwal biex jagħmel it-testijiet, se jbati l-konswegwenzi, u li l-unika soluzzjoni hija li jagħmel it-testijiet tad-demm privatament – testijiet li jiswew mal-200 ewro.
Ħaddiema fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta qalu li din is-sitwazzjoni qed tiġri a’ sikwit u li għad tinqala’ xi waħda, għax l-argumenti xi kultant qegħdin ikunu sħan.
Mhux sigriet li l-moral tal-paramediċi f’ dan iċ-ċentru tas-saħħ jinsab baxx kif jinsab baxx għall-pazjenti fiċ-ċentru tas-saħħa, hekk kif qed jiġu esperjenzati kjuwijiet sa ħames sigħat, meta dawn imorru biex jinqdew.
Dan kollu qed jittratta ma’ kwistjonijiet li ilhom jinħassu fis-settur tas-saħħa f’Malta, hekk kif f’Malta qed tkompli tindirizza l-kriżi apparenti ta’ ħaddiemna tal-kura tas-saħħa u dan għax mhuwa jsir xejn jew biżżejjed biex l-paramediċi jingħataw inċentiv biex ikunu aktar kuntenti f’xogħolhom, jew li studenti jagħżlu aktar il-professjoni ta’ nfiermiera u dan minħabba li s-salarji tagħhom huma ferm baxxi u l-kundizzjonijiet mhumex aċċettabbli għaż-żmijiet tal-lum.
Mhux ta’ b’xejn ħafna minn dawn li qegħdin jaħdmu fis-servizz tas-saħħa qegħdin imorru barra l-pajjiż minħabba salarji aħjar.
Il-ħaddiema fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta diġa għaddew minn esperjenza koroh. Fis-sajf li għadda, waħda mill-erba’ kmamar fejn tabib jara l-pazjenti ma kinitx qed tinuża’ minħabba ħsara fl-air-conditioner li dam aktar minn tliet xhur biex jissewwa.
Kien hemm infermiera li kienu qegħdin jaħsbuha jekk jiġbrux il-flus bejniethom biex jixtru air conditioner ġdid, minħabba li d-diversi talbiet li għamlu lill-awtoritajiet waqgħu fuq widnejn torox.
Il-ħaddiem tas-saħħa fil-Mosta qed jikkritikaw ukoll il-fatt li m’hemmx sistema ta’ appuntamenti preżenti, u għalhekk kif inhi, wieħed irid jistenna sigħat biex jiġi jara tabib.
Bir-raġun il-ħaddiema jinsabu taħt stress kontinwu. Il-kwistjoni tal-X-Ray madawar Malta hija waħda tal-biki u dan qed joħloq ħafna aktar kjuwijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Dan kollu qed iseħħ filwaqt li magni X-Ray huma disponibbli fiċ-ċentri tal-kura tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, il-Gżira u l-Furjana, fil-Mosta biss hemm servizz fuq bażi ta’ 24 siegħa. Għalhekk il-każijiet kollha qed jispiċċaw l-Mosta wara s-7pm, u fil-Ħdud u festi pubbliċi.
//= $special ?>