Il-Ħadd filgħodu f’B’Bugia Wied il-Buni, b’riħ majestral qawwi ħafna, Carmelo Quattrocchi għamilha tliet rebħiet konsekuttivi biex kiseb l-unur tar-Rebbieħ tal-Kampjonat tas-Sajd bis-sufrun ta’ din is-sena. Minħabba li kien rebaħ ukoll il-League tal-Mulett, Carmelo ingħata bonus addizzjonali ta’ €200. Is-sajda tal-Ħadd rat lil Quattrocchi jispiċċa l-ewwel b’2.10 kilo ħut.
Carmelo kien dejjem fuq quddiem, bil-veteran John Attard isegwih fil-qrib, iżda bis-sistema l-ġdida ta’ punti approvata mill-FIPS Mer, kollox kien possibbli. Kemm Carmelo kif ukoll John żammew il-pass biex spiċċaw l-ewwel u tieni rispettivament. John fil-fatt spiċċa fit-tieni post għal tliet darbiet konsekuttivi. Sandro Cohen għamel rimonta biex ġie kklassifikat fit- tielet post.
L-akbar ħuta ta’ dan il-kampjonat intrebħet minn John Attard li b’hekk ingħata l-Biggest Fish Trophy.
‘Catch and Release’ kien ipprattikat kontinwament, u ħut iżgħar minn 12-il ċentimetru ġie rritornat immedjatament lejn il-baħar.
Il-preżentazzjonijiet se jsiru waqt l-Ikla Annwali tal-Milied tal-KSFA fis-Soreda Hotel nhar it-Tlieta 13 ta’ Diċembru.
//= $special ?>