Futbol Sport

Gowl ta’ Jake Grech jagħti rebħa importanti lil Hibernians

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

HIBERNIANS…………1

FLORIANA…………….0

Hibernians: J. Haber, F.Apap, K. Shaw, G. Llerena (R. Soares 46’), T. Aldama, J. Grech, , B. Kristensen (A. Agius 84’), G. Artilles (J. Zerafa 72’), A. Diakite, G. Mensah (J. Degabriele 60’), O. Muritala (R. Morillas 72’)

Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend, O. Spiteri (J. Scicluna 68’),  C. Rutjens, U. Arias, L. De Grazia, E. Callegari, J. Busuttil, A. Garzia, L. Trillo (Z. Cassar 51’), C. Z. Lonardelli (A. Ciolacu 51’)

Imwissija: G. Llerena 18’, F. Apap 73’, G. Artilles 66’ (H), U. Arias 78’ (F)

Tkeċċa: C. Rutjens 79′ (F)

Skorjaw: J. Grech 45+1’ (H)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Jurgen Spiteri

BOV Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Jake Grech (Hibernians)

Hibernians reġgħu sabu posthom fit-tieni post tal-klassifika meta fl-aħħar partita mit-13-il ġurnata għelbu lil Floriana 1-0. Il-gowl li ta t-tliet punti lil Hibernians wasal minn Jake Grech li bi ġmiel ta’ xutt minn tarf il-kaxxa għeleb għal kollox lil Kitanov. Dan kien it-tieni konfront f’erbat ijiem bejn iż-żewġ timijiet wara li l-Ħamis li għadda iltaqgħu kontra xulxin fil-finali tas-Super Cup, b’Hibernians joħorġu rebbieħa wara l-għoti tal-penalties.

Iż-żewġ timijiet kellhom bidliet mill-formazzjoni li bdew biha fil-finali tas-Super Cup, b’Hibernians jilagħbu lil Justin Haber, Thaylor Aldama u Gabriel Mensah minflok Ibrahim Kone, Zachary Grech u Jurgen Degabriele. Minn naħa l-oħra Floriana kellhom lil Juarez u El Hasni sospiżi u minflokom lagħbu lil Owen Spiteri u Carlo Zammit Lonardelli filwaqt li Lorenzo Trillo kien mal-ewwel ħdax minflok Mattia Veselji li kien ma’ jiflaħx.

Fid-19-il minuta Kemar Reid irnexxielu jaqta’ d-difiża Pawlista bil-ġirja, iżda l-konklużjoni tiegħu kienet milqugħa tajjeb minn Haber qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Fis-37 minuta Justin Haber wettaq save tajjeb fuq free kick dirett ta’ Arias bil-ballun jerġa’ jiġi għand in-numru għaxra ta’ Floriana iżda l-kross tiegħu ma kienx preċiż u l-azzjoni sfaxxat. Hibernians marru fil-vantaġġ ftit qabel il-mistrieħ meta Kristensen għadda lejn Jake Grech max-xelluġ u wara li kkontrolla tajjeb bi ġmiel ta’ xutt minn tarf il-kaxxa tefa’ l-ballun fl-angolu tax-xibka b’Kitanov megħlub għal kollox. Ftit war Slobodan Petrovic saffar tmiem l-ewwel taqsima bil-Pawlisti jidħlu jistrieħu 1-0 minn fuq.

Floriana ħarġu jfittxu l-gowl tad-draw fit-tieni taqsima u fl-54 minuta Reid għadda tajjeb lejn is-sostitut Ciolacu li wiċċ imb wiċċ ma’ Haber żbalja l-konklużjoni u tefa’ barra. Hibernians kellhom ċans tajjeb li jirdoppjaw fil-65 minuta meta kien ballun fit-tul ta’ Ferdinando Apap lejn Muritala li qabad id-difiża tal-Greens fuq sieq waħda bin-Niġerjan isib ruħu quddiem Kitanov iżda x-xutt tiegħu kien milqugħ mill-goalkeeper Furjaniż.

Fid-79 minuta Floriana spiċċaw jilagħbu b’għaxra wara li Christian Rutjens ġie muri l-karta ħamra wara argument bejn diversi plejers taż-żewġ timijiet. Floriana xorta waħda baqgħu jipprova u fis-87 minuta Kemar Reid minn qagħda ċentrali ttanta xortieħ iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda barra. Minkejja t-tentattivi ta’ Floriana, Hibernians irnexxielhom iżommu l-gowl vantaġġ u kienu huma li ħadu tliet punti importanti li bihom reġgħu qabżu lil Gżira u Birkirkara biex telgħu lura fit-tieni post.

Thaylor Aldama (Hibernians) u Adam Magri Overend (Floriana) f’taqtiegħa għal ballun (Ritratt: Josef Fitzpatrick)