Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Calypso jirbaħ it-tellieqa b’distakk ta’ żewġ sekondi biss

Fl-istorja riċenti tar-Royal Malta Yacht Club qatt ma kien hemm tmiem mill-qrib bħal dik tat-tellieqa Zhik Double Handed Figure of 8 . Żewġ sekondi biss isseparaw id-dgħajsa rebbieħa – il-J/99 Calypso, ta’ Seb Ripard u Fabio Galea, mill-First 45 Elusive 2, tal-aħwa Podesta, Christoph, u Aaron. Il-bidu tat-tellieqa, li għaliha kien imbassar riħ qawwi mix-Xlokk, rat lill-ewwel jottjiet joħorġu mill-bokka tal-Port qrib xulxin.

Andrew Agius Delicata u Kevin Anastasi bil-jott Reflex 38 Vivace, Elusive 2 u Calypso kienu kollha qed jikkompetu biex jieħdu l-vantaġġ fil-korsa ta’ 85 mil nawtiku. Elusive 2 għadda lil Vivace wara l-bokka tal-Port il-Kbir u kiseb vantaġġ fuq ir-Reflex 38. Sadanittant, Calypso resqu aktar il-quddiem lejn Vivace u Elusive 2.

Inċident żgħir abbord Vivace kif daru ma’ Filfla wassal biex kellhom jirtiraw fejn, iż-żewġ dgħajjes tal-Fondazzjoni Jarhead, JYS Jan u Jarhead komplew jiġġieldu kundizzjonijiet ħorox, li fi 30 mil nawtiku fis-siegħa, kienu l-aktar b’ saħħithom. Il-jott Jarhead, misjuq minn Patrice Pace u Alex Siegler kompla biex spiċċa fit-tielet post. Strategija konservattiva mill-aħwa Podesta setgħet kienet ir-raġuni li wassalhom biex jiksbu t-tieni post wara Calypso.