Lokali Qorti

10 xhur ħabs wara li aggredixxa tliet uffiċjali tal-Pulizija

Raġel ingħata sentenza ta’ 10 xhur ħabs wara li ammetta li aggredixxa lill-uffiċjali tal-pulizija u li għex ta’ “vagabond”. Ahmed Mooge Ahmed, ta’ 29 sena mis-Somalja, tressaq il-Qorti taħt mixli li aggredixxa tliet kuntistabbli tal-pulizija waqt li kienu qed jaħdmu fil-pjazza tal-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar.

L-ispettur Darren Buhagiar qal lill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, li l-akkużat kien avviċina lill-uffiċjali u beda jheddidhom fis-sigħat bikrin tat-Tnejn. Fil-Qorti ntqal li l-akkużat deher fis-sakra u diżordinat u ried jiġi arrestat. Hedded lill-pulizija li kien se jattakkahom jekk ma jarrestawhx.

L-ispettur qal li meta l-uffiċjali rrifjutaw li jarrestawh, huwa beda jixħet l-affarijiet fuqhom. Fost l-akkużi miġjuba kontra Ahmed kienu li jgħix stil ta’ ħajja ta’vagabondaġġ. Huwa kkonferma fil-Qorti li bħalissa jinsab bla xogħol. L-ispettur ssottometta wkoll sikkina żgħira li nstabet fuq l-akkużat waqt “strip search” li saret fuqu fil-lockup tal-pulizija u qal lill-Qorti li Ahmed kien ikkawża madwar €150 fi ħsara f’vettura tal-pulizija waqt l-arrest.

Waqt li għalaq is-sottomissjonijiet tiegħu, l-uffiċjal prosekutur qal lill-Qorti li minħabba li l-akkużat ma kellux rabtiet reali ma’ Malta, hemm il-biża’ reali li jaħrab jew jerġa’ jaqa’ f’ħajja ta’ reati jekk ma jinżammx taħt arrest preventiv. L-imputat wieġeb ħati u l-Maġistrat li ppresiedit il-każ infurmatu li l-akkużi li kien qed jammetti li fihom kien hemm sentenza ta’ ħabs u possibbiltà ta’ multa, u offrielu żmien sabiex jikkonsulta lill-avukat tiegħu.

Il-Maġistrat Montebello kundannat lil Ahmed għal 10 xhur ħabs u mmultatu €5,600. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas għad-danni tal-vettura. Qabel temmet, il-Maġistrat ordnat wkoll lil Ahmed biex ma javviċinax jew jikkuntattja lil xi wieħed mit-tliet uffiċjali involuti fl-aggressjoni.