Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew: L-investigazzjoni tista’ qed tiżvela wieħed mill-agħar każi ta’ korruzzjoni fl-istorja tal-Assemblea

L-osservaturi u deputati (MEPs) tal-Parlament Ewropew qablu li l-investigazzjoni dwar allegat tixħim fil-konfront tal-membri tal-Assemblea qed theżżeż sew lil dan il-Parlament u li għanda twassal għal mewġa ta’ riformi kontra l-korruzzjoni u l-influwenza diretta minn ċerti entitajiet barranin.

Il-prosekuturi li qed jindagaw dwar il-każ jaħsbu li l-investigazzjoni qed tirrappreżenta wieħed mill-akbar skandli fl-istorja tal-Parlament Ewropew u fost suspetti li pajjiż tal-Golf kien ilu x-xhur jinfluwenza lid-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi tal-Assemblea.

Qed jingħad li l-pajjiż inkwistjoni – suspettat bħala l-Qatar – bagħat ammonti sinifikanti ta’ flus u inċentivi oħrajn lil numru ta’ Parlamentari Ewropej biex ‘jieħdu deċiżjonijiet fl-interess ta’ Doha’. Madankollu, il-Gvern Qatari qiegħed jiċħad għal aġir illegali u ‘kriminali’ b’effett dirett għall-funzjoni tal-Parlament Ewropew.

Intant, l-MEP tal-Greċja, Eva Kaili, qed tiċħad involviment fl-allegat każ ta’ tixħim li jinvolvi lill-Qatar. Kaili hi waħda minn erba’ suspettati li tressqulhom l-akkużi speċifiċi wara li l-invesigaturi Belġjani sabu kwantitajiet kbar ta’ flus fid-djar tagħhom.

Ir-responsabbiltajiet ta’ Kaili bħala Viċi-President tal-Parlament Ewropew kienu jinkludu l-politika dwar il-Lvant Nofsani u meta hi magħrufa bħala ‘difensur ferventi’ tat-Tmexxija fil-Qatar. Intant, l-MEPs fi Strasbourg ivvutaw, b’625 vot kontra wieħed, biex hi ma sservix aktar bħala Viċi-President tal-Assemblea li, issa, għandha 13-il Viċi-President.

Kaili spiċċat ukoll sospiża mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew minbarra li mkeċċija mill-Partit PASOK ( taċ-ċentru-xellug) fil-Greċja. Dan waqt li l-awtoritajiet Griegi friżaw l-assi tagħha, ta’ żewġa u ta’ familjari oħra tal-eks-Viċi-President tal-Parlament Ewropew.

Is-suspettati arrestati mill-pulizija Belġjana huma akkużati dwar parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ħasil tal-flus u korruzzjoni – b’dawn l-erba, illum, għandhom jitressqu l-qorti bħala parti minn proċess ta’ qabel il-ġuri. Minbarra Kaili, it-tliet suspettati l-oħra x’aktarx li huma kollha Taljani, fosthom l-eks MEP Antonio Panzeri li qed imexxi grupp favur id-drittijiet tal-bniedem.

Intant, saru tfittxijiet relatati mal-każ fl-Italja kif ukoll fi Brussell – bir-riżorsi tal-IT ta’ għaxar impjegati Parlamentari jispiċċaw ‘iffriżati’ biex jevitaw l-għajbien ta’ data neċessarja għall-investigazzjoni.

L-allegazzjonijiet qed jitfgħu dell kbir fuq ir-rwol tal-lobbying groups fil-Parlament Ewropew. Fil-fatt, kien pospost vot tal-MEPs – ipprogrammat għal din il-ġimgħa – bil-ħsieb li jikkonferma l-ivvjaġġar mingħajr visa għall-Qatari lejn l-Istati tal-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Parlament Ewropew,  Roberta Metsola, qalet li dawn huma żmenijiet diffiċli għad-demokrazija Ewropea u li ‘is-soċjetajiet ħielsa u demokratiċi tal-Ewropa jinsabu taħt attakk’. Hi, intant,  ħalfet lill-MEPs li se jsir minn kollox ‘għar-restawr sħiħ l-integrità tal-Assemblea’.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-akkużi fil-konfront tal-MEPs huma serji ħafna waqt li ħeġġet għat-twaqqif ta’ istituzzjoni ġdida inkarigata mill-etika tad-deputati fl-Assemblea.