Lokali

Dwar l-emenda ‘tal-abort’ il-President jappella biex jisimgħu mill-esponenti kollha

F’Jum ir-Repubblika juża kliem iebes fil-konfront tal-iżvilupp u t-traffiku

Mhux prassi li President tar-Repubblika jitkellem fuq abboz ta liġi li għaddej quddiem il-Parlament iżda għaddejjin minn ċirkustanzi partikulari.. nittama li tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati il-punti kollha li qed jiġu espressi mill-esperti kompetenti.

Hekk sostna il-President ta’ Malta George Vella fid-diskors tiegħu f’Jum ir-Repubblika…diskors li għalih attendew l-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu AnneMarie Grech.

Il-President ta’ Malta saħaq li l-isfida tal-industrija tal-bini qed tifni lill-ambjent ta’ madwarna. Huwa saħaq li dan ma huwiex ghal dejjem u li qiegħed jitgħatta bil-mod taħt it-tarmak u t-toroq.

Huwa insista li xhieda ta’ dan huwa il-gżira Għawdxija li qed tinbidel b’mod mgħaġġel…bir-rebbieħ ikun biss min iħaxxen butu.

Dan filwaqt li semma kif f’din l-industrija qed jintilfu l-ħajjiet hekk ukoll qed jintilfu l-ħajjiet fit-toroq Maltin u Għawdxin.il-President insista b’mod car li mhux bieżżejjed li nselmu l-memorja tal-vittmi biss.  Huwa sostna li t-traffiku hija sfida ewlenija li hemm bżonn tinstab soluzzjoni b’mod konkret.

Il-President ta’ Malta semma wkoll il-każi ta’ fastidju sesswali fuq il-postijiet tax-xogħol u każi ta’ vjolenza domestika fejn saħaq li il-każi li xxokkjaw pajjiż fl-aħħar ġimgħat m’għandhomx jirrepetu ruħhom u għandu jsir minn kollox biex il-vittmi jiġu mgħejuna.

Dan filwaqt li semma dwar il-bżonn li ngħinu lil dawk il-persuni li qed jgħixu l-faqar fis-silenzju jew li mhux ilaħqu mal-kera tagħhom.

Il-President George Vella talab għat-tolleranza mal-persuni ta’ nazzjonalita barranija filwaqt li sejjaħ għal għaqda ġenwina bejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan filwaqt li matul iċ-ċerimonja organizzata fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta ġew onorati fost oħrajn l-eks Aġent President u eks Ministru Dolores Cristina kif ukoll wara mewtu l-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Robert Arrigo.