Lokali

Il-Prof Gauci tikkonferma li l-Covid u l-Influwenza Staġjonali huma kontrollati

Din is-sena hi l-ewwel waħda f’diversi snin li jidher li se nkunu nistgħu ntemmuha b’mod pjuttost normali ‘l bogħod minn ħafna mard infettiv.

Dan hekk kif waqt interevista fuq Net Television, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika kkonfermat li kemm l-Omicron u anke l-Influwenza Staġjonali ma jidhrux li se jkunu qed jaffetwaw daqstant lil pajjiżna ħlief għal ftit każijiet.

Fil-fatt, l-ammont irreġistrat ta’ Covid hu baxx. U l-Influwenza Staġjonali qed iżżomm l-istess livelli li kelna qabel… għalkemm żdiedet meta kkumparati mal-aħħar snin minħabba li fi żmien il-Covid konna qed insegwu numru ta’ prekawzjonijiet, fosthom l-ilbies tal-maskri u ż-żamma tal-indafa.

“Kemm kif evolva l-virus u anke għall-fatt li għandna l-vaccine,” qalet Prof. Charmaine Gauci. “Nistgħu ngħixu ħajja normali bħalma qed naraw. Il-każijiet ma żdiedux u b’hekk bil-varjant li għandna nistgħu nibqgħu mixjin normali.”

U anke fejn jidħlu l-pazjenti fl-isptarijiet tagħna, ir-rata baqgħet stabbli.

“L-ammont ta’ każi pożittivi qed jiżdiedu iżda dan mhux allarmanti hekk kif l-ammont ta’ pazjenti bil-Covid mhux qed jiżdied,” qalet Prof. Charmaine Gauci. “Bejn wieħed u ieħor fl-Isptar qed ikun hemm biss ħames pazjenti u bħalissa m’hemm l-ebda pazjenti fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.”

Fl-aħħar xhur, iktar minn 82,000 persuna diġa’ tlaqmet kontra l-Influwenza Staġjonali filwaqt li 38,000 persuna tlaqmu kontra l-Omicron, bit-tfal jistgħu jieħdu t-tilqima f’forma ta’ spray. Infakkru li t-tilqim qed jingħata b’xejn.

Intant, f’pajjiżna qed jinxtered mikrobu bl-isem ta’ Streptococcus type A magħruf aħjar bħala Strap A… b’sintomi komuni hemm l-uġigħ fil-griżmejn u anke d-deni.

Il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li dan il-mikrobu mhux wieħed serju u li huwa komuni ħafna iżda hemm bżonn li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

“Dan jittieħħed bħall-Covid u l-Influwenza, permezz tad-droplet infection,” qalet Prof. Charmaine Gauci. ” Importanti dak li tgħallimna fil-Covid nibqgħu napplikawh. Ma mmorrux x-xogħol jew skola ma nifilħux, ħasil tal-idejn jew sanitizer, u importanti li narmu tissues mill-ewwel u mhux inħalluhom jiġru.”