Hibernians mill-ġdid fit-tieni post tal-klassifika dan wara li f’konfront dirett kontra Floriana huma kisbu rebħa b’gowl waħdani skurjat minn Jake Grech qabel għalqet l-ewwel taqsima. Din il-logħba rriżulat bħala ripetizzjoni tal-finali tas-Super Cup li ntlagħbet nhar il-Ħamis fil-Gozo Stadium u li ntrebħet minn Hibernians wara l-għoti tal-penalties. Biex b’hekk fi spazju ta’ erbat’ijiem Hibernians reġgħu ħarġu rebbieħa. L-ewwel taqsima kienet iddominata mill-Greens biex fil-ħin mogħti żejjed u fl-ewwel attakk tagħhom sabu x-xibka, dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. U biex ikompli jiġihom kollox ħażin għaxar minuti minn tmiem il-partita Floriana spiċċaw b’għaxar players hekk kif tkeċċa Christian Rutjens. Iż-żewġ naħat wettqu numru ta’ bidliet mill-finali tas-Super Cup fejn Haber beda flok Kone bejn il-lasti għal Hibernians b’Muritala u Mensah jibdew ukoll. Għal Floriana nieqes El Hasni, l-player li falla l-penalty li qaleb il-miżien favur il-Pawlisti fil-finali.

Valletta dawru telfa f’rebħa dan wara li huma għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1. Kienet rebħa li f’mumenti dehret diffiċli ħafna jekk mhux impossibbli. Fil-fatt kienu x-Xlukkajri li kisbu vantaġġ kmieni fil-partita biex wara li l-Beltin kisbu l-gowl tad-draw fil-bidu tat-tieni taqsima huma spiċċaw bi player anqas wara li tkeċċa Eslit Sala għat-tieni karta safra. Iżda l-Beltin komplew jemmnu fejn bl-introduzzjoni ta’ Zammit fil-bidu tat-tieni taqsima t-tim inbidel għall-aħjar. U kellu jkun iż-żgħażugħ Belti li rebaħ penalty fil-ħin mogħti żejjed biex l-istess player ikkonverta u ta tlett punti prezzjużi lit-tim mill-Kapitali. Rebħa li tpoġġi lil Valletta fit-tmien post bi tmintax il-punt. Mill-banda l-oħra diżappunt għal M’Xlokk li pattew għaċ-ċansijiet li tilfu matul il-partita b’mod partikolari meta kienu bi player aktar.

Mosta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva hekk kif huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-1. Rebħa li poġġiet lil Mosta fil-ħames post tal-klassifika biex huma jkomplu jisfidaw għal post fl-Ewropa. Mill-banda l-oħra għal Santa Lucia din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva biex b’hekk jibqgħu mal-grupp li qed jiġġieldu kontra r-relegation. Mosta għamlu bidla waħda mill-aħħar partita tagħhom fejn Zachary Brincat beda flok Nsumoh. Il-bidu tal-logħba kien wieħed bilanċjat iżda kienu Mosta li ħadu l-vantagġġ f’nofs l-ewwel taqsima, gowl li tahom saħħa kbira li bdew jiddominaw il-partita. Għal darb’oħra spikka għal Mosta Ememe li qed juri li huwa wieħed mill-aqwa barranin li hawn f’pajjiżna. Bil-forma li jinsab fiha żġur li ser jattira interess kemm lokalment kif ukoll minn klabbs barra minn xtutna.
Gowl uniku skurjat minn Elvis Mashike, it-tmien wieħed tiegħu dan l-istaġun kien biżżejjed biex Ħamrun għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 1-0. Kienet partita li minkejja li l-Ispartans kienu aħjar mill-avversarji ftit li xejn kienu diretti lejn il-lasta opposta. Fil-fatt li kieku r-riżultat kien wieħed ta’ draw Gudja ma’ kienu jkunu serqu xejn. Rebħa li biha Ħamrun komplew isaħħu l-ewwel post tal-klassifika fejn fi tmiem l-ewwel round għandhom vantaġġ konsiderevoli li jagħmilhom favoriti għar-rebħ tat-tieni kampjonat fi spazju ta’ tlett snin. Ħamrun kellhom lil Luke Montebello nieqes fejn dan jinsab imweġġa filwaqt li Jonny daħal tard fil-partita. Tlett bidliet ukoll mill-kowċ ta’ Gudja Agostinelli fejn beda b’Selemani, Navarrete kif ukoll Neil Micallef. Għal Gudja din kienet il-ħames telfa tal-istaġun wara r-rebħa fuq Valletta fl-aħħar logħba biex issa jinsabu fis-sitt post tal-klassifika.
Gżira United irritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu lil Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 2-0. Rebħa li biha jinsabu fit-tielet post tal-klassifika b’punti daqs Birkirkara. Kienet wirja dominanti mill-Maroons wara t-telfa fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Balzan. Ir-Rangers wara r-rebħa storika kontra Ħamrun Spartans, issa tilfu żewġ logħbiet konsekuttivi. Gżira mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom fejn mat-tisfira tar-referee tal-partita ħarġu aggressivi biex jiksbu vantaġġ kmieni. Fil-fatt kellhom ikunu żewġ penalties, wieħed f’nofs l-ewwel taqsima u l-ieħor fl-aħħar ħinijiet li xaqilbu l-miżien favur il-Maroons. Mhux għax qatt kien hemm xi dubju fejn ser imorru t-tlett punti iżda minkejja d-dominju xorta waħda ma’ waslux gowls minn open play. Gżira jridu jkomplu jibnu fuq l-ewwel round, pożittiv u jawgura tajjeb għall-futur.

Birkirkara komplew għaddejjin b’ritmu tajjeb fejn fi tmiem il-ġimgħa huma għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba bilanċjata f’dan id-derby fejn wara li l-Istripes ħadu l-vantaġġ waslet ir-risposta ta’ Balzan li qabel għalqet it-taqsima kisbu l-gowl tad-draw. It-tieni ħamsa u erbgħin minuta kienu bilanċjati fejn ir-rebħa setgħet marret naħa jew oħra. Iżda kienu l-Istripes li skurjaw minn Tulimieri erba’ minuti minn tmiem il-partita biex ħadu l-punti massimi. Għal din il-logħba il-kowċ ta’ Birkirkara Giovanni Tedesco beda bil-gowlkeeper Nava flok Sylla li lagħab l-aħħar logħba tagħhom filwaqt li kien hemm post ukoll mal-ewwel ħdax għal Coppola u Pepe. Mill-banda l-oħra Balzan bdew bl-istess formazzjoni li fl-aħħar logħba kisbet rebħa kontra Gżira United.

Sirens komplew jitbegħdu aktar miż-żona relegation dan wara li huma għelbu lil Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 1-0. Rebħa li tellgħet lit-tim minn San Pawl il-Baħar aktar lejn nofs il-klassifika filwaqt li għal Pieta din kienet telfa ta’ rutina li b’hekk baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika b’rebħa waħda biss fi tmiem l-ewwel round. Il-logħba kienet waħda monotona fejn ftit li xejn rajna kreattivita biex finalment iddeċieda l-logħba gowl mill-attakkant Bulgaru Kolev. Jidher li t-tim immexxi minn Winston Muscat qed isib saqajh wara li dam ħafna biex kiseb l-ewwel rebħa. Mill-banda l-oħra, Pieta bi skwadra limitata ma’ jistgħux iwettqu mirakli. Ir-realta hija dik li hi.

INNUTAJNA
LI d-difensur Mosti Clayton Failla kien ippreżentat b’tifkira qabel il-partita kontra Santa Lucia. Din biex timmarka l-450 logħba tal-ex player internazzjonali Malti fil-Kampjonat Premier. Failla huwa s-sitt l-aktar player li lagħab fil-Kampjonat Premier Malti.
LI Karl Micallef sellem lill-partitarji ta’ Ħamrun Spartans qabel il-partita kontra Gudja United. Micallef, ex- player tal-Ispartans għal diversi snin ippreżenta bukkett fjuri lill-partitarji . Ħamrun rebħu l-partita bl-iskor ta’ 1-0.
LI l-player internazzjonali Malti Jodi Jones kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Renju Unit, il-post fejn huwa jilgħab. Minkejja li l-inċident kien xi ftit ikrah fortunatament huwa ħelisha ħafif.
