Colin Schembri
BUPA Luxol……….91
Starlites FIJO……..95
(22-22)(26-26)(25-23)(18-26)
Starlites FIJO saru l-ewwel finalisti tal-finali tal-BOV knock-out fejn wara partita kumbattuta għelbu lil BUPA Luxol 95-91. Kif juri l-iskor, il-partita kienet waħda mill-isbaħ u prattikament ġiet deċiża fl-aħħar attakki minn naħa ta’ Starlites. Sa’ mill-ewwel minuti, ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u l-partita fetħet bit-three pointers minn Trevian Bell u Matthew Attard għal skor ta’ 9-7 favur Luxol. Bell flimkien ma’ Taylor Mattos kabbar il-vantaġġ ta’ Luxol però Starlites wieġbu permezz ta’ Darius George u trippla ta’ Jordan Notch biex għamlu l-iskor indaqs 14-14. Luxol kellhom seba’ punti mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ Bell però Starlites ġew lura wkoll bit-trippli ta’ Alec Felice Pace u Matthew Scerri għal skor ta’ 22-22. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Luxol kellhom tlett trippli minn JP Schembri, Nikola Vasovic u Stefan Cappello biex marru 8 minn fuq 37-29. Starlites kellhom risposta bi trippla minn Scerri flimkien mal-punti ta’ Notch u Felice Pace fosthom bi break qasir ta’ 8-2 li poġġijhom basket minn fuq 46-44. Schembri għamel trippla oħra għal Luxol b’Notch jerġa’ jirrispondi għal Starlites biex it-taqsima għalqet f’parita ta’ 48-48.
Wara l-intervall, Luxol fetħu bil-punti ta’ Mattos u Bell u rnexxielhom iżommu vantaġġ wara trippla oħra ta’ Vasovic 60-56. Kien imiss lil Starlites li jirrispondu b’run ta’ 9-2 kollha minn Notch u George biex marru punt minn fuq 67-66. Hawn Luxol kellhom il-punti ta’ Mattos fosthom trippla biex temmew il-perjodu 73-69 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni l-parita kompliet tisbieħ u żdiedet l-intensita fuq iż-żewġ naħat. Starlites kellhom fażi mportanti bi break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Felice Pace biex reġgħu marru fuq quddiem 80-77. Għal ħin twil iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin, b’baskets fuq kull naħa biex Starlites baqgħu minn fuq 88-85. Hawn waslu żewġ trippli deċisivi minn Attard għal Starlites biex fl-aħħar minuta fetħu vantaġġ ta’ sitt punti u Luxol ma rnexxielhomx jerġgħu jirkupraw u r-rebħa marret għand Starlites fuq skor finali ta’ 95-91.
Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 11, M. Sciberras, T. Bell 27, N. Engelbert, JP Schembri 8, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 31, M. Matijevic 8, S. Cappello 7.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 22, M. Attard 14, I. Felice Pace, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 7, R. Carabott 3, L. Farrugia, N. Sultana, D. George 36, J. Notch 13.
Referees: Daniella Torok, Florentina Ciurariu, Gordon Barbara
Mellieħa Libertas Spalding………82
Hibernians……………………………76
(22-22)(22-21)(25-18)(13-15)
Se jkunu Mellieħa Libertas Spalding l-avversarji ta’ Starlites FIJO fil-finali tal-Bank of Valletta knock-out tas-16 ta’ April tas-sena d-dieħla wara li għelbu lil Hibernians 82-76 f’partita oħra denja ta’ semi-finali. Mellieħa kienu mingħajr Samuel Zammit fil-waqt lil Hibs kellhom nieqsa lil Anton Axiaq u Peter Shoults. Hibs fetħu tajjeb u marru 9-3 minn fuq fl-ewwel ħinijiet fejn kellhom il-punti minn Ivan Demcesen u Neil Cassar flimkien ma’ trippla ta’ Matthew Attard b’Vukassin Jandric iwieġeb bi trippla għal Mellieħa. Hibs baqgħu fuq quddiem hekk kif il-punti minn Demcesen komplew ġejjin flimkien ma’ Cassar u Justin Bogle. Hawn waslet ukoll ir-risposta ta’ Mellieħa bi break ta’ 12-2 bil-punti ta’ David Bugeja, Robert Bonnici u trippla ta’ Connor Zinaich biex marru basket minn fuq għalkemm fl-aħħar attakk, Demcesen irnexxielhu jippareġja fuq skor ta’ 22-22. It-tieni taqsima fetħet bil-punti ta’ Hibs fi break qasir ta’ 8-0 bi trippla ta’ Cassar. Mellieħa wieġbu b’run oħra ta’ 11-0 b’seba’ punti minn Zinnaich flimkien ma’ Jandric u Miguel Falzon. Hawn daħal aktar fil-partita l-Amerikan ta’ Hibs li waħdu kellhu run ta’ 11-2 b’żewġ trippli biex Hibs marru sitt punti minn fuq 43-37. It-taqsima però kienet għada ma ntemmietx hekk kif Mellieħa għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 44-43 minn fuq.
Fil-ftuħ tat-tielet taqsima, l-Pawlisti reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Demcesen però Mellieħa wieġbu bi break ta’ 11-2 bil-punti ta’ Notch u Nenad Bukva. Wara trippla ta’ Bogle, kien hemm aktar punti minn Mellieħa li fetħu vantaġġ massimu ta’ 12 -il punt 69-57 qabela ma Hibs għalqu s-sessjoni b’erba’ punti oħra għal skor ta’ 69-61. Hibs kellhom l-aħjar bidu tar-raba’ taqsima bi trippli minn Luke Farrugia u Bogle biex reġgħu waslu s’erba’ punti ‘l bogħod 69-73. Trippla fuq kull naħa minn Jandric u Attard ħallew lil Mellieħa sitta minn fuq u huma baqgħu jikkontrollaw l-aħħar ħinijiet u ħarġu rebbieħa 82-76.
Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon 2, D. Bugeja 12, R. Bonnici 4, V. Jandric 18, I. Bonett, N. Bukva 4, N. Jovanovic 6, C. Ziniach 38, M. Formosa.
Hibernians: N. Cassar 9, P. Attard, L. Attard, L. Farrugia 7, L. Borg, M. Fall 2, R. Aquilina 2, M. Attard 8, J. Bogle 26, I. Demcesen 22.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ionut Ciurariu, Julie Londono
//= $special ?>