Basketball Sport

Knock-out Mapfre MSV Life Nisa: Caffè Moak Luxol kontra Hibernians fil-finali

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Caffè Moak Luxol…………54

Starlites FIJO……………….48

(16-19)(19-9)(7-11)(12-9)

Tliet ijiem wara li tawhom l-ewwel telfa tal-istaġun f’partita mill-kampjonat, ic-champions Caffè Moak Luxol reġgħu għelbu lil Starlites Fijo din id-darba fis-semifinali tal-Mapfre MSV Life Knock-out. Luxol kienu mingħajr Paula Ellul u Beverlee Zammit fil-waqt lil Starlites irkupraw lil Maria Bonett. Luxol għamlu l-ewwel punti tal-partita minn Josephine Diaby u Gladiana Avila. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet b’run ta’ 15-4 bi trippli minn Steffi De Martino u tnejn ta’ Mikela Riolo u ħadu vantaġġ ta’ seba’ punti 19-12. Luxol għalqu l-perjodu bil-punti ta’ Mandi Mercieca u Lisa Fenech Pace għal skor ta’ 19-16 favur Starlites. Luxol però kellhom l-aħjar bidu fit-tieni perjodu u qalbu l-iskor favurhom bi break ta’ 13-2 bil-punti jaslu minn Avila flimkien mal-aħwa Lisa u Anna Fenech Pace għal skor ta’ 29-21. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Amelia Simmons però Luxol komplew b’sitt punti oħra qabel ma Starlites għalqu l-perjodu b’punti minn De Martino u trippla ta’ Michela Zammit Cordina għal skor ta’ 35-28.

Fit-tielet taqsima Starlites tħabtu biex jirkupraw l-iżvantaġġ u għamlu l-ewwel punti minn De Martino u Simmons. Wara li Diaby, Avila u Cristina Sollami wieġbu għall-vjola, Starlites kellhom l-aħħar punti biex il-vantapp ta’ Luxol niżel għal basket wieħed, 41-39. Fl-aħħar perjodu l-Messikana ta’ Luxol fetħet tajjeb u kellha punti kontinwi biex Luxol reġgħu marru disgħa minn fuq 50-41. Starlites reġgħu ppruvaw jirkupraw u kellhom trippla oħra minn Zammit Cordina però l-ħin kien kontra tagħhom u Luxol baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex għaddew għall-finali b’rebħa ta’ 54-48.

Caffè Moak Luxol: C. Sollami 2, M. Mercieca 2, L. Fenech Pace 10, H. Galea, G. Avila 23, K. Portelli, M. Camilleri, S. Fenech Pace, J. Diaby 10, S. Sciberras, M. Marmara, A. Fenech Pace 7.

Starlites FIJO: M. Zammit Cordina 10, M. Riolo 9, A. Saliba, M. Sciberras, M. Bonett, S. De Martino 9, M. Fenech, A. Simmons 18, C. Cilia, K. Mifsud, S. Davies, C. Curmi 2.

Referees: Ionut Ciurariu, Nicky Azzopardi

ARMS Depiro…………53

Hibernians…………….58

(17-14)(16-18)(7-14)(13-12)

Se jkunu Hibernians li se jiffaċjaw lil Luxol fil-finali tan-Knock-out ukoll għas-sittax t’April wara li għelbu lil ARMS Depiro 58-53 biex pattew għat-telfa tal-kampjonat kontra l-istess avversarji. Għal din il-partita Hibs inkludew għall-ewwel darba dan l-istaġun lil player Elena Cassar. L-ewwel punti waslu minn Hibs permezz ta’ Iona Agius, Sam Brincat u Ashleigh Van Vliet. Depiro irrispondew permezz ta’ run ta’ 13-3 bi trippla minn Nicole Agius u l-punti ta’ Claire Ciantar u Casey Samuels. Għal darbtejn, Hibs waslu sa’ basket ‘l bogħod qabel ma Depiro kellhom trippla oħra minn Agius biex temmew l-ewwel sessjoni 17-14 minn fuq. Fit-tieni sessjoni kien hemm trippla fuq kull naħa bid-Depiro jkomplu jkabbru l-vantaġġ għal 8 punti 28-20. Hibs irkupraw bit-three pointers ta’ Van Vliet u Agius biex ħadu l-vantaġġ però trippla oħra ta’ Samuels u basket ta’ Celine Fenech raw lil Depiro jidħlu jistrieħu punt minn fuq 33-32.

Wara l-intervall, Depiro żammew il-vantaġġ għal xi ħin hekk kif Agius għamlet ukoll it-tielet trippla tagħha. Hawn però Hibs għamlu run ta’ 11-2 fosthom trippla ta’ Brincat u l-punti ta’ Cassar u Agius biex marru fuq quddiem 46-40. Hibs komplew jagħfsu fil-ftuħ tal-aħħar taqsima hekk kif bdew b’seba’ punti oħra mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ Brincat. Depiro tħabtu biex jerġgħu jirkupraw fejn kellhom punti minn Samuels, Agius u Leanne Duncan però l-ħin kien kontra tagħhom biex Hibs setgħu jikkontrollaw il-vantaġġ u joħorġu rebbieħa 58-53.

Depiro: N. Agius 11, J. Xerri 3, J. Mallia, L. Duncan 2, C. Ciantar 11, N. Hili, C. Samuels 22, J. Borg, M. Micallef, C. Fenech 4, L. Camilleri, J. Magri.

Hibernians: E. Farrugia, K. Conti, I. Agius 11, A. Legarra, A. Van Vliet 17, S. Brincat 15, J. Abela 3, N. Farrugia, K. Caruana 9, K. Calleja 4, E. Cassar 3, J. Dabic.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.