Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Arġentina u l-Kroazja pass ‘il bogħod mill-finali

20:00 – SEMI FINALI – ARĠENTINA V KROAZJA

Fil-Lusail Stadium, illum tintlagħab il-partita mistennija, l-ewwel semi final tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar, bejn l-Arġentina u l-Kroazja. Bl-aspetattiva kollha ddur madwar il-captain Arġentin, Lionel Messi, iż-żewġ timijiet se jkunu qed iħarsu li jaqtgħu passaġġ għall-finali tal-Ħadd li ġej. 

Għall-Arġentina it-triq tagħhom għas-semi finali ma kinietx waħda faċli, fejn bdew l-esperjenza tagħhom fil-Qatar b’telfa diżastruża ta’ 2-1 kontra l-Arabja Sawdija. Minkejja li din it-telfa tefgħet dell ikrah fuq it-tim nazzjonali Arġentin, huma rnexxielhom jirreaġixxu b’rebħa ta’ 2-0 kontra l-Messiku, f’rebħa li kellha t-timbru u l-kreattivita’ ta’ Lionel Messi, bit-tieni gowl tiegħu f’din l-edizzjoni. Ir-rebħa ta’ 2-0 kontra l-Polonja poġġiet lill-Arġentina mal-aħħar sittax, fejn flimkien mal-istess Polonja avvanzaw minn Grupp C, bit-tim immexxi minn Lionel Scaloni jtemm fl-ewwel post. 

Fil-fażi tal-aħħar sittax, l-Arġentina affrontaw lil Awstralja f’partita li huma ddominaw mill-bidu sat-tmiem. Għal darb’oħra f’din l-edizzjoni, reġa’ spikka is-seba’ darbiet rebbieħ tal-Ballon D’Or, Lionel Messi, li bi prestazzjoni individwali mill-aqwa, rnexxielu jpoġġi lit-tim Arġentin fil-kwarti finali. Hawnhekk wasal l-ikbar test għall-Albiceleste fejn affrontaw lill-Olanda, f’repetizzjoni tas-semi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2014. Għal darb’oħra, bħalma ġara f’ Sau Paolo, l-Arġentina għaddew għall-fażi li jmiss wara l-għoti tal-penalties. 

Min-naħa l-oħra passaġġ differenti iżda xejn eħfef għall-Kroazja. Il-finalisti fl-edizzjoni tar-Russja, bdew bi draw ta’ mingħajr gowls kontra s-semi finalisti l-oħra minn Grupp F il-Marokk. Fit-tieni partita huma ddominaw lill-Kanada fejn rebħulhom bl-iskor ta’ 4-1, b’Andrej Kramaric ikun protagonist b’doppjetta personali. Bla dubju, wieħed ma jistax isemmi lill-Kroazja u jinsa lill-captain Luka Modric, fejn minkejja l-eta’ ta’ 37 sena, hu għadu jiddominaw nofs il-ground u jmexxi lil dan it-tim f’edizzjoni oħra. 

Fit-tielet partita tal-grupp huma żammew fi draw ta’ mingħajr gowls lil Belġju biex eliminawhom f’waħda mill-ewwel sorpriżi ta’ din it-Tazza tad-Dinja, biex temmew fit-tieni post ta’ Grupp F. Fil-fażi tal-aħħar sittax iltaqgħu kontra l-Ġappun, tim li b’sorpriża temm fl-ewwel post minn Grupp E, askapitu ta’ Spanja u l-Ġermanja, b’dawn tal-aħħar ma jirnexxielhomx jagħmluha barra mill-grupp. Hawnhekk huma għelbu l-isfida tal-Ġappun wara l-għoti tal-penalties biex fil-kwarti finali kien imiss il-konfront kontra l-favoriti, il-Brażil.

Minkejja li ma kienux il-favoriti u għall-maġġor parti tal-partita kienu iddominati mis-Selecao, il-Kroazja rnexxielhom isalvaw draw ta’ 1-1 fl-aħħar minuti tal-partita, fil-117-il minuta, b’gowl ta’ Bruno Petkovic. Fl-għoti tal-penalties, wara 120 minuta oħra, il-Kroazja ħarġet rebbieħ fuq il-Brażil, biex issa se jiltaqgħu kontra ċ-champions Sud Amerikani, l-Arġentina. 

Bla dubju l-għajnejn ta’ bosta li se jsegwu din it-tazza tad-dinja se jkunu fuq Lionel Messi, fejn dan se jkun l-aħħar ċans tiegħu li jgħolli din it-tazza li ddeluditu matul il-karriera glorjuża tiegħu. Minkejja dan, il-Kroazja jinsabu determinati li din id-darba jmorru pass oltre minn erba’ snin ilu u jgħollu t-Tazza tad-Dinja, f’dik li tkun il-quċċata għall-karriera professjonali ta’ din il-ġenerazzjoni ta’ plejers Kroati, li fl-aħħar snin poġġew lill-Kroazja fost l-aqwa timijiet nazzjonali fid-dinja.