Internazzjonali

L-Italja: Tensjoni kbira wara l-isparatura qattiela f’Ruma

Għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar sparatura qattiela li xukkjat lill-Italja…Sparatura li fiha nqatlu tliet nisa – inkluża ħabiba tal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni — b’diversi oħrajn jisfaw midruba, uħud minnhom kritikament.

Ir-raġel suspettat qed ikun akkużat dwar qtil premeditat u qiegħed jinżamm taħt arrest; bil-prosekuturi jwissu li dan ir-raġel kapaċi jipprova jaħrab mill-Italja f’każ li jingħata l-libertà proviżorja.

L-isparatura seħħet waqt laqgħa, f’Ruma, għas-sidien ta’ proprjetà li tifforma parti minn kumpless residenzjali U l-massakru seta’ kien agħar peress li s-suspettat, li jismu Claudio Campiti, kellu ċinturin b’xi 170 balla addizzjonali u li x’aktarx li kien lest li juża fuq in-nies.

L-aggressur, ftit wara l-isparatura, spiċċa mrażżan min-nies li kienu preżenti għal-laqgħa u li żammewh sakemm waslu fuq il-post il-pulizija.Is-suspettat kien ilu għaddej b’tilwim mal-management tal-kumpless waqt li magħruf li hedded diversi drabi lil xi persuni meta kien miċħud il-permess għal arma tan-nar.

Kien irrappurtat li Campiti – li għandu diversi simboli Faxxisti u tan-Nażi fuq il-paġna tal-Facebook – spiċċa juża arma tan-nar li kien seraq minn shooting range fl-inħawi ta’ Ruma.

Wara sar magħruf li Nicoletta Golisano, ħabiba ta’ Meloni u l-awditur għall-assoċjazzjoni li tieħu ħsieb il-kumpless residenzjali, kienet fost il-vittmi. Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru awgurat li ssir il-ġustizzja f’dan il-każ waqt li esprimiet niket ‘għal wieħed mill-agħar reati għal snin f’Ruma’.

Dan waqt li s-Sindku ta’ Ruma, Roberto Gualtieri, laqqa’ b’urġenza lill-konsulenti dwar is-sigurtà biex jiddiskutu l-miżuri ġodda dwar dan il-każ vjolenti li terrorizza lir-residenti tal-kapitali u l-madwar.