Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Mateu Lahoz jintbagħat id-dar… Wilton Sampaio jista’ jikkontrolla l-finali

(Ritratt: EPA)

Matul it-Tazza tad-Dinja ma naqsitx ukoll il-kontroversja madwar it-terna arbitrali b’diversi prestazzjonijiet li ma laħqux il-livell mixtieq, f’kompetizzjoni daqshekk prestiġjuża. Ir-referee li kkontrolla il-kwartifinali bejn l-Arġentina u l-Olanda, l-Ispanjol Mateu Lahoz, intbagħat id-dar u mhux se jkun qed jikkontrolla is-semi finali jew il-finali f’din l-edizzjoni. L-Ispanjol kellu kritika qawwija għal mod kif ikkontrolla l-kwartifinali, bi kritika qawwija tasal mingħand Lionel Messi u l-kamp Arġentin, fejn ta xejn inqas minn 15-il karta safra waqt il-partita.

Min-naħa l-oħra ir-referee Brażiljan li kkontrolla l-kwartifinali bejn l-Ingilterra u Franza, Wilton Sampaio, nżamm fil-Qatar u jista’ jikkontrolla jew it-tieni semifinali jew il-finali f’Doha. Sampaio kien ikkritikat minn diversi opinjonisti Ingliżi kif ukoll mill-istess plejers tat-tim nazzjonali Ingliż, bid-difensur Harry Maguire fost dawk li kkritikawh għal mod kif ikkontrolla l-partita.

Intant, ir-referee Ingliż Michael Oliver ukoll intbagħat id-dar filwaqt li l-Ingliż Anthony Taylor jista’ jkun parti mit-terna li tikkontrolla l-aħħar sett ta’ partiti fil-Qatar.