Ta’ kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta…f’isem il-poplu Malti u Għawdxi jagħti ġieħ u unur lil numru ta’ Maltin u Għawdxin li ddistingwew ruħhom f’oqsma differenti.
Din is-sena l-midalja għal qadi tar-Repubblika, jiġifieri l-għola unur, ingħatat lil 10 persuni.
Fost oħrajn dan il-ġieħ ingħata wara mewtu lill-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Parlamentari Robert Arrigo li tilef ħajtu fit-18 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Filwaqt li huwa kien pijunier fis-settur turistiku lokali u kien involut ukoll fit-tmexxija tal-isport lokali…ghal diversi snin Robert Arrigo għin lil bosta persuni fil-bżonn kif ukoll għaqdiet filantropiċi..dan kollu fis-silenzju.
Sabiex tingħata din il-midalja għan-nom ta’ Robert Arrigo, kien hemm il-mara tiegħu Marina Arrigo.

Onorat ukoll it-Tabib Anthony Abela Medici b’rikonoxximent għal karriera twila tiegħu fil-qasam forensiku fost oħrajn 30 sena fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, x-xandara u ġurnalista Anna Bonanno kif ukoll l-eks referee Antonio Briguglio ghas-sehem tiegħu fl-isport lokali.
Dan ir-rikonoxximent ingħata wkoll lil Brother Edward Galea, għal karriera twila tiegħu fost l-istudenti fil-qasam edukattiv fil-Kulleġġ ta’ De La Salle fil-Birgu fejn għal aktar minn 70 sena kien ikona u pijunier f’dan il-qasam.

Il-President tar-Repubblika ta’ Malta, George Vella, onora wkoll bil-midalja għall-Qadi tar-Repubblika lil Saviour Borg, lill-Professur Simone Borg, lill-Inġinier Bijomediku Karl Farrugia, lil Louis Fsadni kif ukoll lil Dun Ġwann Caruana wara mewtu.
Matul iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella ta ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil 7 persuni.
L-eks Aġent President kif ukoll eks Ministru fi tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista Dolores Cristina ingħatat dan l-unur..hekk ukoll l-eks Ministru Laburista Alex Sciberras Trigona. Fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu kienu onorati wkoll l-Professur Carmel Borg, il-Professur Michael Camilleri, id-dottoressa Salvina Zrinzo, il-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi u l-Maestro Archibald Mizzi.
