“Iż-żgħażagħ se jingħataw għodda f’idejhom sabiex ikollhom aċċess u għajnuna għas-saħħa mentali meta jkollhom bżonnha.”
Dan intqal mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca waqt tnedija ta’ app li se tiffoka fuq is-saħħa mentali; tnedija li saret l-Erbgħa filgħodu fil-Parlament.
Din l-app se tkun magħrufa bħala SafeSpace/GħallKenn fejn il-ħsieb għaliha beda madwar tlett snin ilu. Din saret possibli wara diversi pariri minn esperti, kif ukoll diskussjonijiet ma’ tfal u żgħażagħ.
Waqt din it-tnedija intqal li r-riċerka qed tkompli turi li l-pandemija ħalliet impatt qawwi fuq is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali.
Waqt id-diskors tagħha, Marie Louise Coleiro Preca saħqet li hemm bżonn aktar għarfien dwar is-saħħa mentali u għahekk jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi ddedikati għas-saħħa mentali f’pajjiżna.
SafeSpace/GħallKenn se tipprovdi għajnuna għaż-żgħażagħ sabiex jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom kif ukoll jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa minn professjonisti b’mod immedjat.
Barra minn hekk, din l-app toffri għarfien dwar servizzi li huma pprovduti f’pajjiżna u li jindirizzaw is-saħħa mentali kif ukoll tagħtihom kuraġġ sabiex ifittxu l-għajnuna.
Waqt din it-tnedija intqal li anke fi żmien il-festi li huwa żmien ta’ ferħ ikun perijodu diffiċli ħafna għal diversi persuni oħra. Din l-applikazzjoni se sservi bħala għodda diġitali, b’aċċess miftuħ u bla ħlas għal dawk in-nies li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena.
//= $special ?>