Stanley Zammit, PN
Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-parlament li bis-sistemi li għandna qed igawdu il-ftit u jbatu l-ħafna fis-settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni.
Hu qal li l-liġi tgħid li dmir tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, permezz ta’ sistema komprensiva sostenibbli tal-ippjanar. Bħal f’liġijiet oħra simili tgħid ukoll li l-Awtorità għandha taġixxi skont id-direzzjonijiet strateġiċi tal-Gvern.
Teżisti ħtieġa tal-bini mill-ġdid ta’ ekosistema effiċjenti u effettiva fil-qasam tal-ippjanar tal-iżvilupp, il-bini u l-kostruzzjoni.llum ghandna sistema tqila immens, ibbażata fuq imperi, li ċċajpar kompletament it-trasparenza, b’nuqqas ta’ regolamentazzjoni u kultant inkonsistenti, u kollox imħabbel f’burokrazija ma tispiċċa qatt.
Kull jum li jgħaddi huwa opportunità oħra biex isir abbuż. Ekosistema li tirrikonċilja il-frammentazzjoni li dan il-Gvern ħoloq permezz ta’ awtoritajiet u entitajiet differenti, hija bżonn. Matul dawn l-aħħar disa’ snin il-Gvern ħoloq sistema diżorganizzata b’nuqqas ta’ definizzjoni u linji ta’ demarkazzjoni bejn Awtorità oħra. Minn din is-sistema qed igawdu il-ftit u jbatu l-ħafna.
Mingħajr ma jitnaqqas xejn mill-koperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet, anzi, biex dawn jissaħħu, jeħtieġ li l-parametri tal-awtoritajiet ikunu iddikjarati bl-aktar mod ċar u mingħajr ambigwitajiet.
Hu qal li bdew jigu ċċarati il-parametri bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni permezz ta’ dawn l-emendi li għandhom l-iskop li jitnaqqas l-overlapping fil-liġijiet u jkun aktar ċar liema Awtorità hija responsabli ta’ x’hiex. Bħala Oppożizzjoni naqblu li nieħdu dan l-abbozz għall-istadji li jmiss. Aktar kmieni semmejt kif din il-liġi bħal liġijiet oħra issemmi r-responsabbiltà tal-Awtorità li timxu skond id-direzzjonijiet strateġiċi tal-Gvern.
Il-Gvern Laburista bil-viżjoni ta’ Malta kosmopolitana u b’mudell ekonomiku bbażat fuq l-importazzjoni massiċċa ta’ ħaddiema barannin biex jaħdmu b’pagi miżeri ħoloq ferneżija bla kontroll u konfuzjoni organizzata fl-iżvilupp. F’din il-konfuzjoni, krih pajjiż, waqa’ l-bini u mietu n-nies. Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li kull meta jkun hemm mewt, din hija wake-up call u li huwa importanti li wara kull każ tittieħed azzjoni.
Dan huwa l-istil ta’ tmexxija ta’ Gvern Laburista. Management by crisis. Gvern iċċassat quddiem il-konfużjonijiet li jkun ħoloq hu stess u wara l-wake-up calls iqum biss biex iwaħħal f’dak, fl-ieħor jew fis-sistema…. jinsa li huwa l-Gvern li huwa responsabbli li jiddisinja is-sistemi, jimplimenta is-sistemi, isostni is-sistemi, jikkoreġi u jtejjeb is-sitemi, u jinforza is-sistemi Fl-2020 kellna waħda minn ħafna minn dawn il-wake up calls. Il-vittmi mhux tislim u solidarjetà għall-moxt u l-mera għandhom bżonn.
Ma jridux Gvern li jistembaħ wara l-alarms imma ikollna pajjiż immexxi minn Gvern li jkun kontinwament on alert … Gvern li jkun pro-attiv u mhux re-attiv…. biex kemm jista’ jkun jigu evitati t-tragedji.
Jeħtieġ soluzzjoni serja u ħolistika għall-konfużjoni kreata mill-Gvern. L-industrija għandha bzonn qafas regolatorju li jassigura kemm is-sigurtà tal-pubbliku, kif wkoll xogħol ta’ kwalità f’dak kollu li għandu x’ jaqsam mal-industrija tal-bini u kostruzzjoni. Sentejn ilu l-istakeholders fl-industrija tal-kostruzzjoni, fosthom l-Oppożizzjoni, għamlu numru proposti wara konsultazzjoni wiesgħa u serja. Il-Kamra tal-Periti pproponiet qafas regolatorju li kellu 10 principji prinċipali.
Sena wara il- Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius, qalu li tlestiet riforma u b’mod uffiċjali ġiet stabbilita l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni.
Ilum numru ta’ proposti għadhom fuq il-karta u oħrajn lanqas biss waslu s’hemm, sostna d-deputat Nazzjonalista li staqsa jekk il-proċessi regolatorji li jassiguraw s-sigurtà tal-pubbliku? Huwa ovvju illi li bil-kliem kollu li sar għad hemm laxk esaġerat, fejn saħansitra hemm okkazjonijiet li l-OHSA lanqas biss tkun magħrufa li beda żvilupp. Għad hemm OHSA tibki għar-riżorsi umani. Hu tkellem dwar id-distinzjoni ċara bejn regolamenti tal-bini u dawk tal-kostruzzjoni u staqsa fejn huma dawn ir-regolamenti? Fejn huma l-building codes?
Hu tratta r-rwol tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni fil-verifika tal-bini, il-ħruġ ta’ permessi, infurzar u moniteraġġ u qal li din hi Awtorità oħra tibki għar-riżorsi u tigi maqbuża f’certu kazijiet.
Fil-ligi, waħda mill-funzjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar kienet li jżomm reġistru jew reġistri ta’ bennejja, kuntratturi tal-bini u persuni fis-sengħa tal-bini, u dawn għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, inkluż fuq is-sit elettroniku. Għadhom fuq il-karta. Kien biss il-ġimgħa li għaddiet li il-Ministru ppreżenta din il-karta lill- Kamra tal-Periti għad-diskussjoni. Hu staqsa dwar l-obbligu li proġetti jkunu ċertifikati li x-xogħlijiet u l-materjali ikunu konformi mad-disinn u dwar il-Compliance Certificate mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni. Flok hekk, il-Gvern jixpruna kultura ta’ sanzjonar billi joħroġ skemi fejn dak li jkun jibqa’ jgawdi l-frott ta’ l-għemil abbużiv billi jħallas xi penali jew piena.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni imma jemmen ukoll li pajjiżna ma għandux ikun ġungla … la ta’ żvilupp sfrenat u wisq anqas ta’ binjiet ta’ kwalita’ medjokri;emmen li s-settur għandu bżonn direzzjoni ċara. Is-settur jeħtieġ l-għodda mhux biex jiżdiedu l-ispejjeż jew intawlu ż-żmien imma biex ninvestu aħjar fi żvilupp sostenibli u kwalità ghola.
L-industrija tal-bini hija nieqsa minn professjonalizmu f’ħafna aspetti. Agħar minn hekk ir-regolamentazzjoni tghati lok fejn il-professjonaliżmu ma jkunx rikjest jew huwa għażla. Għadna bżonn standards, bħal building codes, u mekkaniżmu effettiv u effiżjenti li jassigura l-kwalità tad-disinn, tal-materjali, tax-xogħol u tal-prodott. Il-BCA u l-istakeholders fil-proġett għandhom isegwu checks and balances li jorbtu u li jiġu ssetjati u ddokumentati fil-method statement fejn ikun ċarissimu min huwa responsabli ta’ xhiex u f’liema stadju.
Dan għandu jkun jinkludi il-Health and Safety plans ċari minn professjonisti fil-qasam. Il-method statements ghandhom ikunu ta’ kwalitaà. Għaliex hemm bżonn li method statement jiġi sottomess darbtejn jew tlieta? Għax għandna sistema kumplikata jew l-istandards mhux cari? Jew għax x’imkien hemm qliegh ta’ lira?
L-industrija għandha bżonn professjonisti bħal Project Managers, il-ġeoloġi u l-Construction Engineers (l-imgħallma) li jkunu rikonoxxuti bil-warrant biex tiżdied l-accountablity. Il-BCA għanhda tiġi msaħħa b’nies kompetenti f’kull dipartiment inkluż fl-infurzar.
Jeħtieġ platforms digitali fejn is-softwares u l-applications li jużaw l-entitajiet u awtoritajiet ikollhom links ghal softwares u applikazzjonijiet ta’ entitajiet oħra u dawn ikunu jitkellmu bejniethom.
//= $special ?>