Futbol Sport

David Cluett Memorial Cup: Finali bejn Birkirkara St. Helens u Gżira United

Birkirkara St. Helens u Gżira United Veterans se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin fil-finali tal-ewwel edizzjoni tad-David Cluett Memorial Cup wara li fis-semi finali għelbu lil Rabat Veterans u Żurrieq Wolves rispettivament.

Gżira għelbu faċilment lil Żurrieq 9-3 bil-gowls tal-Maroons jaslu minn doppjetti ta’ Jonathan Pearson, Alex Muscat u Jamie Pace, filwaqt li Firas Aboulezz, Adrian Lanzon u Matthew Bartolo skorjaw gowl kull wieħed.

It-tliet gowls taż-Żrieraq waslu minn awtogowl ta’ Alex Muscat, u gowl kull wieħed minn Kevin Vella u Clarence John Clinger Johnson.

Minn naħa l-oħra il-partita bejn Birkirkara Veterans u Rabat Veterans kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties bil-Karkariżi joħorġu rebbieħa.

Sal-ħin regolamentari l-logħba ntemmet 1-1 b’Joseph Chetcuti li poġġa lil Birkirkara minn fuq u Christian Muscat iġib l-iskor indaqs għal Rabat.

Fl-għoti tal-penalties Paul Bugeja, Joseph Chetcuti, Kevin Borg Degiorgio u Anthony Portelli kollha skorjaw għal Birkirkara filwaqt li għall-Magpies sabu x-xibka Franco De Gabriele, Dylan Falzon u Gilbert Scerri. 

Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-grawnd tad-Dorotej f’Ħaż-Żebbuġ u tibda fis-7.30pm