Sorsi infurmati sew ikkonfermaw mal-paġna tal-programm Replay li Tesse, li għandha 46 sena u kienet tilgħab mal-Italja, hi l-magħżula tal-MFA biex tassumi r-rwol ta’ kowċ nazzjonali għat-tim tan-nisa ta’ Malta.
F’Settembru li għadda sar magħruf li Mark Gatt ma kienx se jibqa’ kowċ ta’ Malta, u matul dan il-perjodu, l-MFA flimkien mad-Direttur Tekniku għall-futbol femminili f’Malta fi ħdan l-assoċjazzjoni, Pierre Brincat kienu qed jaħdmu fuq l-isem tal-kowċ suċċessur.
Ftit tal-ħin ilu Replay żvela b’mod esklussiv, li għall-ewwel darba t-tim nazzjonali tan-nisa se jkollu kowċ barrani mara, b’Curriculum Vitae tassew interessanti. Fost l-oħrajn, Tesse hija l-ewwel mara fl-Italja li rrnexxilha tikseb l-għola ċertifikat tal-UEFA bħala kowċ, kemm fil-futbol (UEFA Pro) kif ukoll fil-futsal.
It-tim nazzjonali tan-nisa fil-preżent jinsab mal-aqwa 90 pajjiż fid-dinja, skont ir-rankings tal-FIFA. Fl-Ewropa, Malta tinsab mal-aqwa 37 pajjiż. Il-kompetizzjoni li jmissha tilgħab Malta hi l-kwalifikazzjoni għall-Euro 2025.
Intant anke l-kowċ nazzjonali l-ġdid tal-irġiel mistenni jkun Taljan. Replay hu infurmat li l-għażla tal-kowċ hi kważi finali u f’dawn l-aħħar ġimgħat, kien hemm progress sostanzjali biex ikun hemm qbil mal-persuna li se tkun qed tassumi dan ir-rwol wara l-era ta’ Devis Mangia bħala kowċ nazzjonali.
//= $special ?>