Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni Franza jinsabu 90 minuta bogħod biex jirrepetu dak li għamlu l-Italja fis-snin 30 u l-Brażil fl-1958 u l-1962, jiġifieri li jirbħu l-kompetizzjoni għat-tieni edizzjoni konsekuttiva. Huma rebħu 2-0 kontra l-Marokk u fil-finali jaffrontaw lit-tim nazzjonali tal-Arġentina.
Il-Franċiżi urew kemm kienu ċiniċi f’din il-kompetizzjoni hekk kif sabu x-xibka fl-aktar mumenti li kellhom bżonn. Il-Marokk offriet oppożizzjoni denja iżda finalment il-kwalità ta’ Les Bleus kienet wisq għalihom. Minkejja dan, il-Marokk xorta ħarġu mil-logħba b’rashom mgħollija wara edizzjoni fantastika.
Franza fetħet bl-aħjar mod possibbli u marret fil-vantaġġ wara sitt minuti. Antoine Griezmann irċieva ballun vertikali u għadda kross fil-baxx lejn Kylian Mbappe. It-tentattiv tal-attakkant ġie mxellef u spiċċa fid-direzzjoni ta’ THEO HERNANDEZ li b’ġest akrobatiku għadda l-ballun minn bejn il-gowlkiper u l-lasta l-wieqfa.
Reazzjoni mill-Marokk fl-10 minuta b’xutt angolat ta’ Azzedine Ounahi li ġie salvat tajjeb minn Hugo Lloris. Franza viċin li tirdoppja fis-17-il minuta. L-attakkant Olivier Giroud ħa vantaġġ minn indeċiżjoni oħra fid-difiża, avvanza iżda x-xutt finali mill-kaxxa stampa mal-wieqfa.
Il-Franċiżi baqgħu jikkontrollaw il-logħba u fil-35 minuta kellhom ċans ieħor quddiem il-lasta. It-tentattiv ta’ Mbappe ġie mbiegħed parzjalment filwaqt li xutt bid-dawra ta’ Giroud minn qagħda ideali, għadda ftit barra.
Il-Marokk kellha tmiem tal-ewwel taqsima pożittiv bi pressjoni fuq id-difiża Franċiża. L-aħjar ċans li kellhom wasal fl-44 minuta meta d-difensur Jawad El Yamiq prova b’rovexxjata li ħabtet mal-wieqfa.
Il-logħob fit-tieni taqsima żamm l-istess rendiment, bil-Marokk kultant thedded il-lasta avversarja filwaqt li Franza bdiet tikkontrolla mingħajr timpenja wisq Yassine Bounou.
Il-Marokkini għal ftit ma ġabux id-draw fit-53 minuta bil-koppja difensiva magħmula minn Raphael Varane u Ibrahima Konate jkunu fil-ħin biex ibiegħdu l-periklu mill-kaxxa Franċiża.
Fil-71 minuta, daqqa ta’ ras tas-sostitut Marcus Thurman għaddiet barra u tliet minuti wara xutt ta’ Youssouf Fofana għadda ftit barra. Il-Franċiżi serrħu rashom mill-kwalifikazzjoni fid-79 minuta. Wara azzjoni personali ta’ Mbappe, ix-xutt finali ġie mxellef u spiċċa fid-direzzjoni ta’ RANDAL KOLO MUANI li kompla għal ġewwa mill-viċin. Muani kien ilu biss 44 sekonda jilgħab.
Il-Marokkini baqgħu jippruvaw tal-anqas inaqqsu d-distakk sat-tmiem u fil-ħin miżjud Ounahi kellu xutt li ġie maqlugħ kważi minn fuq il-linja minn Jules Kounde.
//= $special ?>