Il-liġi proposta li tinkludi proċeduri aktar rapidi għall-ħruġ ta’ permessi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u spinta għall-produzzjoni domestika tal-UE kontra l-isfond tal-kriżi tal-enerġija se tħaffef il-proċedura biex jingħataw permessi għal impjanti ġodda tal-enerġija rinnovabbli, bħal pannelli solari jew imtieħen tar-riħ, u biex jiġu adattati dawk eżistenti.
Fl-emendi tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, il-MPE qassru l-perjodu massimu biex japprovaw installazzjonijiet ġodda minn tnax għal disa’ xhur, jekk ikunu jinsabu fl-hekk imsejħa “żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli”. Dawn ser jiġu mmarkati minn kull Stat Membru skont jekk humiex kapaċi jinstallaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’pass aktar mgħaġġel. Jekk l-awtorità kompetenti ma tweġibx sal-iskadenza, il-permess jew it-talba jitqiesu bħala approvati — skont l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ “silenzju pożittiv”.
Barra minn dawn iż-żoni, il-proċess m’għandux jaqbeż it-18-il xahar, jgħidu l-MPE — u mhux sentejn kif kien propost oriġinarjament. Dwar ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli, il-MPE jridu li l-proċess tal-għoti tal-permessi ma jaqbiżx is-sitt xhur.
Meta jistabbilixxu r-regoli għaż-żoni magħżula ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli, il-pajjiżi tal-UE għandhom jevitaw jew, jekk mhux possibbli, inaqqsu b’mod sinifikanti l-impatt ambjentali negattiv li jista’ jirriżulta għal żoni bħal dawn. Is-siti Natura 2000, il-parks naturali u r-riżervi kif ukoll ir-rotot migratorji identifikati tal-għasafar u tal-mammiferi tal-baħar għandhom jiġu esklużi, ħlief għal uċuħ artifiċjali u mibnija bħal fuq il-bjut, parkeġġi jew infrastruttura tat-trasport. Il-MPE żiedu wkoll dispożizzjonijiet biex jiżguraw li l-pubbliku jkun involut qabel ma tintgħażel żona biex jiġi installat impjant u qabel ma jiġu ddeżinjati żoni rinnovabbli.
Il-proposta li se tagħti spinta lit-tagħmir tal-pannelli solari fuq il-bini u l-pompi tas-sħana tinkludi wkoll obbligu għall-pajjiżi tal-UE li jiżguraw li l-permessi għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari fuq il-bini jingħataw fi żmien xahar. Għal installazzjonijiet iżgħar taħt il-50 kW, proċedura sempliċi ta’ notifika tkun biżżejjed. L-installazzjoni ta’ tagħmir solari tkun eżentata mir-rekwiżit li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-MPE ddeċidew. Il-proċess għall-ħruġ ta’ permess għall-installazzjoni ta’ pompi tas-sħana m’għandux jaqbeż xahar.
Sabiex tinkiseb aktar enerġija rinnovabbli fil-grilja mingħajr dewmien, il-PE inkorporaw ukoll elementi ta’ proposta reċenti tal-Kummissjoni mressqa taħt l-hekk imsejħa “proċedura ta’ emerġenza”, sabiex il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet diġà jidħlu fis-seħħ fl-2023.
L-abbozz ta’ rapport ġie adottat b’407 voti favur, 34 vot kontra u 181 astensjoni. Il-MPE vvotaw ukoll biex jirreferu l-fajl lura lill-kumitat sabiex jidħlu f’taħditiet mal-Kunsill għal ftehim fl-ewwel qari.
//= $special ?>