Internazzjonali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Il-poplu Ukren jingħata l-Premju Sakharov mill-Parlament Ewropew

Il-poplu Ukren huwa r-rebbieħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju Sakharov illi jingħata mill-Parlament Ewropew għal min ikun ħadem favur il-libertà u d-demokrazija fl-Ewropa.

Il-Premju ingħata lill-Ukrajna mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, u jimmarka 10 xhur li fihom l-Ukreni ilhom jirreżistu l-invażjoni Russa fuq arthom.

F’messaġġ li wasslet minn Strasburgu, Metsola qalet li dan l-unur huwa turija kemm l-Ewropej qed jappoġjaw il-kawża Ukrena.

Il-President Zelensky minn naħa tiegħu rringrazzja lil Roberta Metsola għal dan il-Premju, u uża l-messaġġ tiegħu biex ifakkar li f’dawn il-jiem komplew l-attakk tar-Russi li qed jaħarqu dak kollu li jsibu quddiemhom – speċjalment fid-Donbass. U hawn, il-Parlament Ewropew waqaf biex josserva minuta silenzju biex titfakkar il-memorja tal-vittmi li tilfu ħajjithom f’din il-gwerra kiefra.

Il-Premju Sakharov, inċidentalment, huwa imsemmi għal xjentist Russu (Andrei Sakharov) li ħadem b’saħħa favur soċjetajiet miftuħa, id-demokrazija u l-libertà tal-ħsieb.

Is-sena li għaddiet dan il-premju kien ingħata lil Alexey Navalny – il-Mexxej tal-Oppożizzjoni fir-Russja li ħadem b’determinazzjoni kontra r-reġim tal-Kremlin. Bil-President Metsola tappella biex Navalny ma jibqax miżmum arrestat.