Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Ir-rebbieħa tal-aħħar Tazza tad-Dinja l-ostaklu tal-Marokkini fid-direzzjoni lejn finali storika

(Ritratt: EPA)

20:00 – SEMI FINALI – FRANZA V MAROKK

Il-Marokk għandha l-akbar eżami fl-istorja tagħha hekk kif possibbilment tinsab 90 minuta minn finali tat-Tazza tad-Dinja. L-avversarji huma r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni Franza u għalhekk se jkun konfront bejn tim mimli esperjenza f’dawn it-tip ta’ logħbiet u nazzjon li qatt ma wasal sa din il-fażi.

Franza rebħet 2-1 kontra l-Ingilterra u żammet it-tamiet li tirbaħ it-Tazza tad-Dinja għat-tieni edizzjoni konsekuttiva filwaqt li l-Marokk eliminat lit-tim nazzjonali Portugiż 1-0.

Il-Franċiżi rebħu s-semifinali fl-aħħar tliet darbiet li waslu mal-aħħar erbgħa u jekk jirnexxilhom jirbħu llum isiru l-ewwel nazzjon Ewropew minn żmien l-Italja ta’ Vittorio Pozzo fis-snin 30 li jkunu waslu sal-finali bħala r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni.

Irrelevanti minn dak li jiġri fil-logħba tal-lum, il-plejers Marokkini diġà huma meqjusa bħala eroj u għalhekk il-pressjoni se tkun kollha fuq Franza. Il-Marokkini se jkollhom żgur l-appoġġ tal-partitarji li tul din it-Tazza tad-Dinja kienu dejjem fil-maġġoranza fl-istadium.

Il-mixja taż-żewġ timijiet kienet ftit differenti. Franza kienet favorita li tirbaħ il-grupp tagħha kif eventwalment għamlet. Mal-aħħar 16 rebħet 3-1 kontra l-Polonja f’logħba li kkontrollat, bl-aktar logħba diffiċli kienet tas-Sibt li għadda kontra l-Ingilterra.

Il-Marokk ukoll rebħet il-grupp tagħha iżda fost it-timijiet kien hemm il-Kroazja u l-Belġju. Mal-aħħar 16 eliminat lit-tim nazzjonali Spanjol bl-għoti tal-penalties u s-Sibt li għadda saħansitra rebħet kontra l-Portugall 1-0.

Id-differenzi bejn iż-żewġ timijiet

L-ikbar differenza li hemm bejn iż-żewġ timijiet hi fid-difiża. Franza sa issa sofriet gowl f’kull logħba li lagħbet f’din l-edizzjoni filwaqt li fuq in-naħa l-oħra l-Marokkini sofrew gowl wieħed biss li wasal minn awto-gowl. Inċidentalment, l-aħħar nazzjon li ma sofra l-ebda gowl f’ħames logħbiet, spiċċa biex rebaħ il-kompetizzjoni.

Differenza wkoll hi fiż-żewġ kowċis. Il-kowċ Franċiż Didier Deschamps kellu passat bħala plejer f’livell għoli u minbarra li rebaħ it-Tazza tad-Dinja bħala plejer, mexxa wkoll bħala kowċ lit-tim Franċiż għar-rebħ tal-aħħar edizzjoni.

Il-kowċ Marokkin Walid Regragui hu kowċ relattivament ġdid fix-xena internazzjonali tal-ogħla livell u saħansitra ilu jmexxi lit-tim nazzjonali tal-Marokk ftit xhur biss.

Fil-konfronti bejniethom, Franza għadha qatt ma tilfet kontra l-Marokk f’ħames logħbiet u l-logħba tal-lum jista’ jkun ix-xenarju possibbli biex il-Marokk toħloq sorpriża oħra.