Knisja Lokali

“Kif immur il-Knisja u naqbel mal-abort?” – Mons. Anton Teuma

“Kif jista’ jkun li jiena Kristjan, li jien Nisrani, li jien dixxiplu ta’ Kristu, forsi mmur il-knisja wkoll u mbagħad naqbel mal-abort? … Allura veru li kollox irrid indawwar skont kif jaqbel lili”

Dan huwa l-kliem eżatt illi stqarr l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Anton Teuma waqt l-omelija li wassal f’Jum il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

L-Isqof ta’ Għawdex qal li ma nistgħux indawaru lil Alla skont kif irridu u nixtiequ skont il-kapriċċi tal-mument u skont l-esiġenzi tal-mument. Il-fidi nisranija ma nistgħux nużawha biss meta jfittlilna.

L-Isqof Teuma qal li min hu Nisrani ma jistax jinqeda bir-reliġjon, bir-riti, bil-quddies, u jaħseb li d-dinja ddur miegħu u l-affarijiet jiġu f’posthom għalih biss.

Monsinjur Teuma kien għamel referenza għal-liġi tal-abort anke fil-bidu tal-Avvent, meta f’messaġġ ċar kien wissa li l-isptarijiet tagħna m’għandhomx jinbiddlu f’biċċeriji.

It-Tnejn li għadda fil-Parlament ġiet fi tmiemha fi stadju tat-Tieni Qari d-diskussjoni dwar il-ligi tal-abort. Iżda kuntrarju għal dak li ħasbu ħafna, il-Gvern ma preżenta ebda tibdil għal-ligi tal-abort.

Dwar din l-emenda kien hemm bosta persuni li anki mhumiex parti mill-Knisja Kattolika li tkellmu b’saħħa kontra l-mod li bih mexa l-Gvern, inkluż il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca illi tenniet li l-mod kif ġiet preżentata l-emenda qed iġġib dubji kbar, u jeħtieġ li l-emenda fil-liġi tħares lil kulħadd; lill-omm, lill-mediku u lit-tarbija fil-ġuf.

Magħha ingħaqdu wkoll diversi esponenti tal-Partit Laburista fosthom Luciano Busuttil, Desmond Zammit Marmara, u l-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat.