Mark Gasan, li kien Direttur ta’ GEM Holdings, ddikjara fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kienu avviċinati biex jekk jitla’ l-PL fil-Gvern huma jidħlu fil-proġett tal-power station tal-Electrogas.
Għal mistoqsijiet tal-President tal-PAC, id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u d-deputati Nazzjonalisti David Agius u Graham Bencini, Mark Gasan, Direttur ta’ GEM Holding LTD, qal li kienu avviċinati minn George Fenech fl-2013 biex jaraw kemm kinux interessati jissieħbu f’konsorzju dwar il-power station.
Dan seħħ qabel l-elezzjoni tal-2013 fejn George Fenech kien qallhom li dan jista’ jseħħ jekk ikun elett il-Partit Laburista.; ‘dan għamlulna ċar’, xehed Gasan, li kompla li ma huma ma kellhomx esperjenza f’dan is-settur għalkemm ħassew li kien interessanti ħala investiment fit-twil. “Il-kuntatt kien dejjem ma’ George Fenech għalkemm kien semma’ lit-tifel tiegħu Yorgen”, sostna Mark Gasan, li ma kinux iddiskutew il-proġett ma’ Yorgen Fenech.
Ix-xhud kompla li kien ftit wara l-elezzjoni tal-2013 meta reġa’ sar kuntatt ieħor magħhom. Hu sostna li l-idea ta’ George Fenech kienet li t-tmexxija tal-proġett kellha tkun għand Yorgen.
Dwar l-istqarrija li fiha Gasan iddeċidew li joħorġu mill-investiment, Mark Gasan qal li huma ħassew li l-proġett fl-2018 kien sar wisq kontroversjali minħabba l-istejjer li kienu ħerġin dwar kumpaniji offshore. Ix-xhud qal li huma ħarġu li kellhom joħorġu ‘l barra mill-konsorzju u kienu tkellmu dwar dan ma’ persuni involuti fil-kumpanija.
Kien wisq pressjoni pubblika u ħassejna li kellna noħorġu minn dan il-proġett, sostna Mark Gasan, li kompla li l-kumpanja kienet għamlet rapport minn kumpanija ta’ avukati dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Hu qal li l-konklużjonijiet tar-rapport minn kumpanija tal-avukati stabillew li ma sabu l-ebda korruzzjoni fil-proġett.
Mark Gasan qal li s’issa għad m’hemm ħadd li jrid jixtri l-ishma tagħhom fil-proġett tal-power station li l-proġett spiċċa wieħed kontroversjali. Hu xehed li Yorgen Fenech kellu rwol attiv isegwi l-proġett.
//= $special ?>