Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Lloris jiżvela li tkellem ma’ Kane wara r-rebħa ta’ Franza fuq l-Ingilterra

(Ritratt: EPA)

Il-captain ta’ Franza Hugo Lloris qal li ma kienx faċli biex isib il-kliem ġust meta bagħat messaġġ lil Harry Kane wara li Franza eliminat lill-Ingilterra s-Sibt li għadda. Kane falla penalty waqt il-kwarti tal-finali liema penalty kien ifisser id-draw ta’ 2-2 kieku ġie skorjat.

Kane u Lloris li t-tnejn jilagħbu ma’ Tottenham, se jerġgħu jkunu kollegi meta Tottenham jilagħbu kontra Brentford f’logħba mill-Premier League. “Hu żmien diffiċli għat-tim nazzjonali Ingliż u Harry. Bgħatna lil xulxin wara l-logħba. Ma kienx faċli li nsib il-kliem. Kellu bżonn ftit ħin biex jistrieħ. Naħseb li għandu jkun kburi b’dak li għamel għat-tim nazzjonali.”

Hugo Lloris kompla li fl-istorja tal-futbol kien hemm diversi plejers ta’ livell għoli li fallew penalties fil-karriera. Fosthom hu semma’ lil Lionel Messi u Cristiano Ronaldo iżda kompla li ma għandux dubju li Kane se jżomm rasu ‘l fuq u jgħin lil Tottenham u lit-tim nazzjonali biex jispikkaw.

B’referenza għas-semifinali tal-lum kontra l-Marokk, il-gowlkiper Franċiż qal li qed jistenna atmosfera ostili fl-istadium iżda jinsabu lesti għal kull eventwalità. “Ovvjament hu diġà suċċess għalihom iżda emmnuni, mhux se jieqfu hawn. Iridu jkunu iktar ta’ eroj għal pajjiżhom. Aħna nippreparaw għall-bżonnijiet li tirrikjedi semifinali, irrispettivament mill-avversarju,” temm Lloris.