Atletika Sport

Luke Micallef bl-aqwa ħin fost l-alteti Maltin fl-Kampjonati Ewropej tal-Cross-Country

Esperjenza mill-aktar pożittiva għall-atleti Maltin fil-Kampjonati Ewropej tal-Cross Country li saru fi tmiem il-ġimgħa f’xenarju mill-isbaħ fid-dawra tal-Kastell La Mandria qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja.

F’din il-kompetizzjoni Luke Micallef kompla jikkonsolida postu bħala wieħed mill-aqwa atleti Maltin fid-distanza l-medja meta temm tellieqa f’rotta iebsa ta’ 9,572 metru f’ħin ta’ 32 minuta u 58 sekonda, l-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta Malti f’dawn il-Kampjonati Ewropej.

B’dan il-ħin huwa daħal mal-aqwa 70 atleta Ewropew, f’kompetizzjoni li attirat ismijiet kbar tal-atletika internazzjonali fosthom iċ-Champion Olimpiku Jakob Ingebritsen li rebaħ dan l-unur għas-sitt darba konsekuttiva, Emile Cairess, ir-rebbieħ tat-titlu nazzjonali cross-country tar-Renju Unit, kif ukoll it-Taljan Yemaneberhan Crippa.

Riżultati tajbin f’Turin anke għall-atleta Għawdxi David Borg li tellaq għall-ewwel darba f’dan il-livell fuq distanza ta’ 7,662 metru u temm f’ħin ta’ 28’32 fil-kategorija Under 23 kontra atleti sentejn ikbar minnhom.

Iż-żagħżugħ Gabriel Farrugia li fl-Under 20 (5,722 metru) daħal f’ħin ta’ 19’54, quddiem atleti minn Spanja, Svizzera, Kroazja, Portugall u Danimarka fost l-oħrajn.