Lokali Qorti

Roderick Cassar bla emozzjoni għal dak li ġralha martu…iżda kien emozzjonat għal uliedu

L-Ispettur Paul Camilleri qal fil-Qorti li Roderick Cassar li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice f’Raħal Ġdid u li allegatament sparalha żewġ tiri minkejja li qal li jiddispjaċih għal dak li ġralha martu Bernice meta kien muri r-ritratt tagħha, imma wera ebda emozzjoni, l-emozzjonijiet li kellu kienu fil-konfront ta’ uliedu. Ġie żvelat ukoll li huwa dam fil-post tad-delitt għal tmien minuti qabel ma saq lejn ir-residenza tiegħu fil-Qrendi.

Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba u residenti l-Qrendi qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ martu Bernce Cassar (Cilia xebba) f’Kordin li seħħ nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru. Bernice Cassar ta’ 40 sena sfat maqtula meta intlaqtet minn żewġ tiri sparati lejha bil-pulizija temmen li l-qtil huwa konsegwenza ta’ storja ta’ ġlied domestiku bejnha u żewġha.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni kontra Roderick Cassar li wkoll jinsab mixli li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess. Akkużi oħra jinkludu s-serq tal-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation u li insulta terza persuna – maħsuba li kien ċivili li kien ipprova jintervjeni filgħodu dak inhar tal-qtil. Fl-aħħar nett, huwa qed jiġi mixli allegatament ffastidja wkoll lil Bernice Cassar u qagħadha fil-jiem, ġimgħat u xhur ta’ qabel il-qtil.

Roderick Cassar daħal fl-awla b’idu l-leminija nfaxxata. Miegħu kien hemm ukoll erba’ uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qabel ma beda jixhed l-Ispettur Paul Camilleri, l-Prosekuzzjoni talbet li l-aħwa tal-akkużat ma jkunux preżenti fl-awla minħabba li jaf jixhdu fil-futur.

Il-Maġistrat Joe Mifsud talab għal-lista tax-xhieda biex ikun determinat min jista’ jkun preżenti u min ma jistax. “Forsi qabel ma nsibu kif se nirranġaw id-dewmien fil-qrati, aħjar naraw kif se nirranġaw id-dewmien min-naħa tal-Avukat Ġenerali,” stqarr il-Maġistrat Mifsud qabel ma beda jisma’ x-xhieda.

Paul Camilleri wieħed mill-uffiċjali investigattivi fil-każ u li huwa stazzjonat fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid qal fil-Qorti li kien għall-ħabta tat-8am daħlet telefonata li kien hemm ħabta fil-qasam industrijali ta’ Kordin. Wara daħlet telefonata oħra li kien hemm argument u oħra li kien hemm li ntużat xi arma u informaw l-RIU biex jattendu qabilhom.

Kompla li sakemm qed ilestu biex joħorġu irċevew telefonata li hemm persuna mejta. Huma waslu ftit wara u l-RIU kienu diġà għalqu t-triq. Kien hemm ambulanzi u tim mediku u kien hemm karozza bajda u liżar fil-ġenb tagħha u nixxiegħa ta’ demm ħierġa minn taħt il-liżar.

Ix-xhud qal li bl-assistenza tat-tobba kixfu l-katavru u seta’ jara li kienet mara. Kellha tir evidenti ġo wiċċha n-naħa tax-xellug u jidher li kellha xi demm fuq sidirha. Qal li dak il-ħin ma setgħux josservaw sew għax riedu jiġu tal-forensika. L-Ispettur Camilleri qal li ċempel lill-Maġistrat tal-Għassa u beda jqabbad l-esperti.

Kompla jgħid li fil-qrib kien hemm fabbrika u qalulu li kien hemm persuna li ħadet xi filmati imma hu ma kien raha xejn. Wara kienu marru tas-CID u ħadu ‘over; huma. Tenna li waslitlu informazzjoni li seta’ kien ir-raġel ta’ Bernice li spara u jista’ jkun li mar il-Qrendi u bdew jaħdmu biex imorry fi Triq il-Kartaġenizi fejn kien joqgħod.

Xehed li kien hemm il-vettura pparkjata hemm u li kien hemm xnigħa li seta’ kien hemm riħa ta’ gass u għalhekk issejħu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Qal li marru aktar Pulizija u mar ħu Roderick u missieru. Kien dak il-ħin li stabbilew li l-akkużat kien fid-dar fejn kien joqgħod ma’ Bernice u li ħuh kien joqgħod fl-istess blokka.

Kien qed jikkonsla lill-familjari

Qal li fuq il-post kien hemm negozjaturi tal-pulizija fosthom Omar Zammit. Xehed li matul il-ġurnata kien qed jikkonsla lil tal-familja u ma kienx preżenti l-ħin kollu iżda kien preżenti meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-pulizija jidħlu għal Roderick.

Qal li kien liebes shorts u T-shirt u ħaduh l-isptar b’ambulanza, peress li kien hemm allegazzjonijet ta’ sparatura. L-akkużat qalilhom li ried ikellem lill-avukat Franco Debono. Sarulu xi testijiet u rrifjuta li jagħti kampjuni intimi imma oħrajn iva. Mill-isptar ittieħed lock up.

Kompla li fl-24 ta’ Novembru ttieħdu żewġ stqarrijiet oħra lil Roderick u kien preżenti għalihom. Xehed li Roderick ma rrispondiex ħlief għal domanda waħda. Qal li “Jiddispjaċih għal li ġralha”. Kien emozzjonat meta urewh ritratti ta’ wliedu iżda meta wrewh ritratti ta’ Bernice ħajja u mejta ma kellux emozzjonijiet. Mistoqsi minn ta ċ-ċwievet biex daħlu d-dar għal Roderick Cassar, l-ispettur qal li kien ħuħ.

L-avukat tal-familja tal-vittma Stefano Filletti staqsa dwar il-‘body language’ ta’ Roderick Cassar u l-avukat tal-akkużat Franco Debono hawn irrimarka li l-Ispettur mhuwiex psikologu. Ix-xhud qal li ma kienx jaf b’kitbiet li tella’ l-akkużat waqt li kien qed jistkenn fil-post fil-Qrendi imma wara ġie muri xi ritratti tagħhom. Camilleri ma jiftakarx eżatt x’intqal f’dawn il-kitbiet. 

L-avukat Franco Debono staqsa kemm dam l-episodju biex Cassar wasal fuq il-post tar-reat u telaq minn fuq il-post. Camilleri qal li dan dam madwar tmien minuti. Qal ukoll li fuq il-katavru kulma ra kien hemm feriti fuq il-wiċċ u żewġ tiri. Mistoqsi dwar il-bibien imkissra u t-tieqa mkissra tal-karozza tal-vittma, Camilleri qal li ma jistax jikkonferma.

Xehed ukoll ħu l-akkużat John Cassar li iżda qal huwa lest jixhed dwar l-għoti taċ-ċavetta tal-post imma l-bqija jixtieq jikkonsulta mal-avukat tiegħu l-ewwel. Ix-xhud qal li ġie mitlub iċ-ċavetta tal-komun tar-residenza fil-Qrendi u u għaddihilom. Qal li ċ-ċavetta kienet fuqu għax jgħix fl-istess residenza tal-akkużat.

L-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri, Paul Camilleri qed imexxu l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukat Angele Vella, Edward Grima, Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jirrappreżentaw lil Roderick Cassar.

L-avukati Stefano Filletti u Marita Pace Dimech qed jirrappreżentaw il-familja ta’ Bernice Cassar. Il-kumpilazzjoni tkompli għada l-Ħamis bix-xhieda tal-Ispettur Shawn Pawney. Seduta oħra hija skedata għal nhar it-Tnejn, 19 ta’ Diċembru.