Lokali

Studenti b’inizjattiva b’risq id-Dar tal-Providenza

‘Cycling for Charity’ – Inizjattiva li tippromovi trasport alternattiv, u li permezz tagħha sar ġbir għall-karita’ bl-involviment tal-ġenituri.

Dawn kienu l-għanijiet ta’ din l-inizjattivita li saret l-Erbgħa filgħodu hekk kif diversi studenti tal-iskola sekondarja San Benedittu ta’ Ħal Kirkop saqu r-rota mill-iskola sad-Dar tal-Providenza. U wara waqfa qasira dawn reġgħu saqu r-roti lura lejn l-iskola.

Din hija l-ewwel darba li saret din l-inizjattiva fejn intqal li din mistennija tikber kull sena sabiex jippromovu l-użu tar-rota kif ukoll il-ġbir għall-karita’.

Ritratti: Matthew Tabone

Għalliem minn din l-iskola qal li l-istudenti li pparteċipaw f’din l-inizjattiva kienu entużjasti ħafna u li kienet ta’ sodisfazzjon kbir. Barra minn hekk, din l-iskola se tibqa’ taħdem sabiex fis-snin li ġejjin aktar studenti jieħdu sehem.

Waqt il-waqfa tagħhom fid-Dar tal-Providenza l-iskola sekondarja ta’ San Benedittu ppreżentat somma ta’ €1,050 li nġabret bl-għajnuna ta’ skejjel oħra li pprovdew sostenn għal din l-inizjattiva.

Waqt din il-preżentazzjoni intqal li l-iskola sabet għajnuna minn diversi skejjel oħra kif ukoll entitajiet sabiex din l-inizjattiva tkun ta’ suċċess. Huma saħqu li din l-inizjattiva ma kinitx tkun possibli mingħajr l-għajnuna tagħhom li tinkludi wkoll għajnuna minn diversi ġenituri li għenu fl-organizzazzjoni ta’ din l-attivita’.