Cristiano Ronaldo qed jitħarreġ fil-faċilitajiet tal-eks tim tiegħu Real Madrid hekk kif qed ikompli jippjana fejn se jkompli l-karriera tiegħu. Ronaldo li għandu 37 sena, irritorna mit-Tazza tad-Dinja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara l-eliminazzjoni tal-Portugall kontra l-Marokk.
Hu bħalissa jinsab bla klabb wara li laħaq ftehim ma’ Manchester United biex jinħall mill-kuntratt wara l-intervista li kellu ma’ Piers Morgan. Rapporti fil-media internazzjonali rrappurtaw li Ronaldo jinsab viċin trasferiment mal-klabb Al Nassr mill-Arabja Sawdija, għalkemm dan ġie miċħud.
Biex iżomm ruħu fiżikament tajjeb, Ronaldo qed jitħarreġ fil-faċilitajiet ta’ Valdebebas li huma okkupati minn Real Madrid. Skont il-ġurnal fi Spanja AS, Ronaldo staqsa lill-President tar-Real Madrid Florentino Perez permess biex juża l-faċilitajiet. Hu qed jiħarreġ ‘l bogħod mill-ewwel tim ta’ Real Madrid.
Cristiano Ronaldo lagħab għal disa’ snin mimlija suċċess mal-Madrileni bejn l-2009 u l-2018 qabel ingħaqad ma’ Juventus. Hu għad għandu dar fil-kapitali Spanjola.
It-Tazza tad-Dinja ta’ Ronaldo ma kinitx pożittiva hekk kif il-Portugall ġiet eliminata mal-aħħar tmienja. Hu beda l-aħħar żewġ logħbiet fuq il-bank tas-sostituti. Kemm kontra l-Iżvizzera kif ukoll kontra l-Marokk, il-plejer ta’ 37 sena daħal bħala sostitut.
Mat-tisfira finali, kien evidenti d-dmugħ f’għajnejn Cristiano Ronaldo hekk kif baqa’ dieħel ġewwa. Fl-età ta’ 37 sena, jidher li l-ħolma tiegħu li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja ntemmet.
Wara t-telfa, Ronaldo kiteb fuq il-media soċjali u qal li qatt ma kien se jagħti daharu lejn pajjiżu. Matul din il-ġimgħa, Ronaldo kiteb “3 aspetti ta’ realtà: Uġigħ, inċertezza u ħidma kontinwa.”
//= $special ?>