Il-kowċ tal-Kroazja Zlatko Dalic ikkonferma li Marcelo Brozovic ġie mibdul waqt is-semifinali kontra l-Arġentina minħabba li weġġa’. Is-sostituzzjoni kienet sorpriża minħabba li saret biss ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, speċjalment meta Dalic kien għamel żewġ sostituzzjonijiet fil-ħin tal-mistrieħ.
“Marcelo ħass uġigħ fil-muskolu u ddeċidejna li ma jkunx utilizzat sat-tmiem. Għażilna li nserrħuh biex ikun tajjeb għall-konfront għat-tielet u r-raba’ post.” Qal Dalic.
B’referenza għal-logħba, il-Kroat qal li ma jistax jitfa’ ħtija fuq il-plejers għall-ebda raġuni għaliex skont hu kkontrollaw l-ewwel nofs siegħa. Hu żied li kultant il-fortuna tkun miegħek u kultant ma tkunx fuq in-naħa tiegħek.
Minkejja t-telfa, Dalic qal li kieku xi ħadd qallu li se jaslu sa dan l-istadju qabel bdiet il-kompetizzjoni, kien ikun kuntent u kompla li jinsab kburi bit-tim tiegħu.
//= $special ?>