Futbol Sport

Gowl lejn tmiem l-ewwel taqsima jagħti t-tliet punti lill-Maroons

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Rowen Camilleri

STA LUCIA………….0

GŻIRA U………………1

Sta. Lucia: M. C. Cremona, L. Fonseca, N. Pulis, R. Bairam, L. Ayad (J. Tanti 68’), D. Pacheco, D. Xuereb (A. Moreno 80’), J. Pisani, F. Rodrigues, J. Carbone (A. Valpoort 58’), M. Alba (J. Zerafa 79’)

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, N. Muscat, S. Pisani (B. Borg 79’), Z. Scerri, M. Dias, L. Riascos, T. Kollega (R. Correa 79’), M. Cosic, M. Maia (L. Tabone 89’), J. De Assis (C. Gauci 66’)

Imwissija: N. Pulis 56’ (Sl)

Skorjaw: S. Pisani 45+1’ (G)

Referee: Alex Johnson

Assistenti Referees: Luke Portelli u Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matthew Calleja Cremona (Santa Lucia)

BOV Plejer tal-logħba: Marcelo Dias (Gżira United)

Fl-ewwel partita mill-14-il ġurnata, u għalhekk il-bidu tat-tieni round tal-Kampjonat BOV Premier, Gżira United kisbu tliet punti b’rebħa ta’ 1-0 fuq Santa Lucia. Fl-ewwel taqsima l-Maroons iddominaw għal kollox lill-avversarji fejn anke sabu x-xibka iżda fit-tieni taqsima l-istorja kienet differenti u l-Yellows kienu ħafna aħjar. Madankollu, it-tim immexxi minn Enzo Potenza ma rnexxielux isib ix-xibka biex sofrew il-ħames telfa nfila fil-kampjonat.

Wara disa minuti logħob Gżira marru viċin meta minn kross fil-kaxxa ta’ Kolega, il-ballun wasal għand Riascos li minn taħt il-lasta ra l-konklużjoni tiegħu tkun devjata f’korner. Gżira baqgħu fuq l-attakk u fis-17-il minuta kross ta’ Dias u daqqa ta’ ras ta’ Jefferson De Assis tgħaddi barra. Fit-23 minuta Calleja Cremona ċaħħad lill-Maroons milli jmorru minn fuq wara li Dias u Pisani bidlu l-ballun bejniethom, dan tal-aħħar prova x-xutt iżda sab lil goalkeeper ta’ Santa Lucia attent.

Fis-37 minuta Maia għadda ballun tajjeb lejn De Assis li minkejja li kien issikkat minn Pacheco prova xutt b’saħħtu li għadda kemmxejn għoli.Minuta qabel il-45 Gżira reġgħu marru minn fuq meta Riascos għadda lejn Pisani li minn taħt il-last ra lil Calleja Cremona jerġa’ jkun stupend b’save mill-aqwa. Minuta wara iżda wasal il-gowl li tefa’ lill-Maroons fil vantaġġ meta kien Steve Pisani li tefa’ kross fil-kaxxa lejn Maia li ma laqatx, iżda l-ballun qarraq b’Calleja Cremona u baqa’ dieħel fix-xibka. Wara dan il-gowl ir-referee Alex Johnson saffar tiem l-ewwel taqsima.

Santa Lucia ħarġu daqxejn aħjar fit-tieni taqsima u wara biss minuta minn free kick dirett ix-xutt b’saħħtu ta’ Fonseca kien devjat f’korner mid-difiża. Fit-53 minuta Maxuell Maia ħarab max-xellug u rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja fejn minn qagħda angolata prova xutt li għadda mħakkek mal-wieqfa.

Il-Yellows komplew jinsistu biex iġibu l-gowl tad-draw u fl-74 minuta s-sostitut Valpoort minn barra l-kaxxa ttanta xortieħ, b’Zarkov jilqa’ parzjalment qabel mad-difensur Cosic tajjar f’korner. Fil-ħin miżjud Santa Lucia marru viċin meta minn kontrattakk, Rodrigues għadda lejn Valpoort li iżda mill-viċin tefa’ barra.

Santa Lucia baqgħu jipprovaw isibu l-gowl u jsalvaw punt mill-partita, iżda Gżira ddefendew tajjeb ir-riżultat u wara sitt minuti ta’ ħin miżjud waslet it-tisfira finali bil-Maroons, għalkemm ma mpressjonawx kienu huma li ħadu t-tliet punti.