Wiegħda oħra tal-Gvern li spiċċat taret mar-riħ.
Iktar kmieni din is-sena, il-Gvern kien wiegħed li sal-aħħar ta’ din is-sena se jkun qed jagħti – lil dawk il-persuni kollha li għandhom sa 35 sena – apparat biex jiċċekjaw il-livelli taz-zokkor. Iżda minflok, il-Gvern ħabbar li dan l-apparat se jkun qed jingħata biss lil dawk li għandhom sa 23 sena.
U allura, dawk li ghandhom bejn 23 u 35 sena ma jistghux jibbenefikaw minn dan l-apparat. Bil-Gvern stess qed joħloq din id-diskriminazzjoni.
Dan ifisser ukoll li l-Gvern mhux talli naqqas l-allokazzjoni ta’ fondi għall-Istrateġija Nazzjonali tad-Dijabete fl-aħħar budget, minkejja li l-persuni dijabetiċi f’pajjiżna żdiedu, iżda issa lanqas biss se jkun qed jagħti dan l-apparat għall-monitoraġġ taz-zokkor – apparat li jfisser spiża ta’ madwar €300 fix-xahar.
Dan l-apparat, bl-isem ta’ Continuous Glucose Monitors hu ta’ importanza kbira għal dawk il-persuni li għandhom id-diabete type 1 hekk kif wieħed ma jkollux għalfejn kontinwament jiċċekja l-livell taz-zokkor – għaliex dan l-apparat jagħmel il-monitoraġġ waħdu.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saret mill-Kelliema għall-ġlieda kontra d-dijabete Claudette Buttigieg, kien wiegħed li sas-sena d-dieħla se jkun qed jagħti b’xejn dan l-apparat lill-persuni kollha li għandhom bżonnu.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete qalet li tinsab diżappuntata li l-Gvern Laburista mar lura minn kelmtu fi kwistjoni tant sensittiva. Kien għalhekk li l-Assoċjazzjoni appellat lill-Gvern biex jirrikonsidra d-deċiżjoni li ħa.