Lokali

Il-PN iħabbar il-proposti għar-riforma fil-Gvernijiet Lokali

Fl-aħħar snin, il-kaġun prinċipali dwar għaliex il-pubbliku qed jitlef il-fiduċja fil-Gvernijiet Lokali hi minħabba li r-residenti mhux qed jirċievu servizzi bażiċi, iżda essenzjali, li jagħmlu użu minnhom ta’ kuljum għax il-Gvernijiet Lokali spiċċaw bla snien u bla jedd fuq dawn is-servizzi essenzjali.

Għalhekk, il-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika u Chairperson tal-PAC, Darren Carabott, u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali PN, Charles Bonello f’isem il-Partit Nazzjonalista qalu kif il-Partit dejjem kien u baqa’ favur in-naħa tad-diċentralizazzjoni u favur li r-residenti jagħżlu t-tmexxija lokali tagħhom, għażel it-tema “Gvern Lokali ta’ Vera” għal dan id-dokument mimli proposti, li verament jagħtu tifsira lill-kelma “Gvern” fi Gvern Lokali.

L-għażla ta’ din it-tema hi b’mod speċjali risposta għall-politika riċenti tal-Gvern Laburista, li qed ikompli jnaqqas u jnaqqar mir-responsabbiltajiet tal-Gvernijiet Lokali u anke b’risposta għan-nuqqasijiet li hemm fid-dokument gwida ppubblikat mill-Gvern f’Awwissu li għadda, li naqas milli jiddikjara u jagħti lura s-saħħa u l-awtorità lill-Gvernijiet Lokali li hu stess ħadilhom.

Il-Partit Nazzjonalista, b’dan id-dokument, qed jippubblika 46 proposta studjata u spjegata fid-dettall, bl-għan li jtejjeb is-sistema tal-Gvernijiet Lokali u fl-istess waqt, jagħti servizz aħjar lir-residenti fil-lokalitajiet rispettivi. Is-46 proposta huma maqsumin f’ħames sezzjonijiet b’temi differenti.