Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-akbar strajk mill-infermiera fl-istorja tal-NHS

Eluf ta’ infermiera fl-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq bdew jumejn ta’ strajks dwar il-paga u l-kundizzjonijiet – b’din l-azzjoni industrijali, ibbażata fuq il-walkouts, għandha ssir ukoll nhar it-Tlieta, l-20 ta’ Diċembru.

Il-membri tar-Royal College of Nursing (RCN) qed jitolbu żieda ta’ 19 fil-mija fis-salarji, fost akkużi li ż-żidiet li ma jlaħħqux mal-inflazzjoni qegħdin jikkompromettu lis-servizzi tas-saħħa peress li l-kundizzjonijiet ma jgħinux għall-ingaġġ ta’ infermiera ġodda.

Madankollu, is-Segretarju tas-Saħħa,  Steve Barclay, qal li l-kundizzjonijiet mitluba mill-infermiera mhumiex affordabbli minħabba li l-Gvern – flimkien mas-settur — qed jiffaċċjaw diversi tipi ta’ pressjoni minn lat ekonomiku.

Iżda  Pat Cullen, bħala l-Kap tar-Royal College of Nursing, qalet li l-Gvern għandu responsabbiltà biex jindirizza l-postijiet vakanti fis-settur tan-nursing u jipprova jirranġa n-nuqqas akut ta’ staff f’din il-professjoni. Cullen qalet ukoll li dawn huma żmenijiet traġiċi għan-nursing u l-pazjenti fir-Renju Unit.

Fil-preżent, l-istaff mediku fir-Renju Unit qed jipprovdi kura għall-preservazzjoni tal-ħajja u tipi oħra ta’ kura urġenti. Iżda s-servizzi ta’ rutina, fis-sigħat li jmiss, għandhom jitħarbtu sew b’riżultat tal-akbar azzjoni industrijali mill-infermiera tal-NHS. Intant, is-servizzi tal-kimoterapija, flimkien mas-servizzi għall-kura intensiva u l-każi kritiċi għandhom ikomplu bħan-normal, bil-membri tal-RCN qed jistennew għal xi żblokk sinifikanti fis-sitwazzjoni.