Lokali Qorti

Ir-Rumen maqtul f’Paceville qala’ 28 daqqa ta’ sikkina f’żewġ minuti

Ir-Rumen b’ċittadinanza doppju, dik ta’ pajjiżu u dik Ingliża qala’ 28 daqqa ta’ sikkina f’Paceville wara argument jaħraq f’dak li qed ikun allegat ġlieda bejn iż-żewġ gruppi nvoluti f’ċirku kriminali ta’ prostituzzjoni. Fil-Qorti ħareġ li Joseff Rivas ta’ 44 sena, qala dawn id-daqqiet kollha f’temp ta’ żewġ minuti.

Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni tat-tliet Rumeni mixlijin bil-qtil fejn qed jiġu akkużati l-aħwa Ionut-Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena u kuġinuhom Ilie Constantin ta’ 31 sena. L-Ispettur Kurt Zahra spjega d-dinamika tal-inċident li seħħ fi Triq Ross fil-5 ta’ Diċembru li għadda fit3.30pm. bil-vittma jmut fl-Isptar Mater Dei.

L-uffiċjal investigatur qal li f’inqas minn żewġ minuti l-vittma, li kellu storja ta’ kriminalità u wasal Malta fit-2 ta’ Diċembru, qala’ 28 daqqa ta’ sikkina. Dan ħareġ minn filmati tal-cameras tas-sigurtà. Zahra esebixxa wkoll diversi ritratti b’rabta mal-każ.

Zahra, li investiga l-każ qal quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li t-tliet akkużati huma ‘pimps’ ta’ prostituti barranin f’Malta. Qal li mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-argument inqala’ dwar prostituzzjoni u nisa li kellhom jinħarġu minn Malta.

Tenna li meta l-pulizija waslu fuq il-post il-vittma kien għadu ħaj u nstab fuq l-għatba ta’ ħanut tal-pastizzi. Il-ġlieda iżda bdiet wara Belga Cafe u waqt il-ġlieda ntużaw skieken, tabella tal-injam u banketta. Zahra qal li xhud li kien fil-ħanut fejn l-akkużati kienu qed jieħdu kafè rrakkonta kif il-ġlieda qamet wara li kien hemm konfrontazzjoni fil-ħanut.

F’din il-ġlieda kien hemm it-tliet akkużati fuq naħa u tlieta oħra, inkluż il-vittma, fuq naħa oħra imma wieħed minn dawk li kienu mal-vittma li ma pparteċipax fil-ġlieda u osserva kollox minn fuq il-bankina. Wieħed mill-akkużati, Dan-Andrei Tanase, kellu mus f’idu u wara l-aggressjoni jidhru deħlin f’appartament fejn l-akkużat l-ieħor Constantin deher mill-filmati jimsaħ id-demm mal-art.

Mill-appartament ħarġet ukoll tfajla li bdiet tnaddaf id-demm u wara ż-żewġt akkużati aħwa ħarġu bi ħwejjeġ differenti waqt li Constantin baqa’ bl-istess ħwejjeġ. Zahra qal li ma jistax jgħid li t-tfajliet kienu jgħixu fl-appartament u li l-akkużati dehru fejn il-Burger King u minn hemm qabdu taxi lejn is-Swieqi. Ix-xufier tat-taxi li ħadhom ġor-residenza fis-Swieqi qal lill-pulizija li l-akkużati dehru aġitati ħafna.

L-Ispettur Zahra xehed li mill-investigazzjoni saru jafu li l-akkużati kienu ‘pimps’ ta’ numru ta’ nisa li jgħixu fi blokk ta’ appartamenti fl-istess triq u li l-istess nisa kienu xtraw xi bagalji biex jitilqu minn Malta. Il-pulizija daħlu fl-appartament u nnutaw b’mod ar li dan kien jintuża għall-prostituzzjoni b’waħda min-nisa, Elena Zarnesko, l-ewwel ma riditx tikkopera magħhom imbagħad stqarret li fil-ġlieda kienu involuti l-eks sieħeb tagħha, Dan-Andrei, ħuh u l-kuġin tiegħu Constantin.

Zarnesko qalet ukoll lill-pulizija li kienet taqla’ l-flus mill-prostituzzjoni u li l-appartament kienet tużah hi biss b’Dan-Andrei kien iħallas il-kera. Saħqet ukoll lill-pulizija li kienet tħallas lit-tliet akkużati iżda ma kinitx sfurzata u li kienu l-akkużati li jagħmlulha l-appuntamenti. Kienet Zarnesko li qalet lill-Pulizija bil-pjan li kellhom biex jitilqu minn Malta bl-ajru jew bil-baħar.

Il-mara kienet taf ukoll li l-għada tal-inċident it-tliet akkużati marru l-għassa ta’ San Ġiljan jirrappurtaw li kienu involuti fil-ġlieda tal-jum ta’ qabel. Fl-istqarrija lill-Pulizija Dan-Andrei qal li l-ġlieda qamet wara li kuġinuh Constantin qala’ daqqa ta’ ponn.

Bdew jibżgħu għax il-pjan kien li jinqatlu

Zahra qal li skont huma kienu mbeżżgħin għax il-persuni li kellhom l-argument magħhom kienu mibgħuta biex joqtluhom minn wieħed jismu Florian. Dan-Andrei qal ukoll lill-Pulizija li fir-Rumanija kienu fqar u dan Florian suppost kellu jsibilhom xogħol fi clubs fejn nisa jistiednu lill-irġiel.

Qal ukoll lill-pulizija li fuq il-mobile phone ta’ kuġinuh Constantin hemm messaġġ irrekordjat dwar it-theddid li rċevew. Dwar is-sikkina li ntużat fil-ġlieda qal li jista’ jkun li ġabha mingħand il-grupp oppost. Madankollu l-Ispettur Zahra qal li mill-filmati ħadd mill-membri tal-grupp oppost ma jidher b’sikkina f’idu.

L-akkużat kien qal ukoll lill-pulizija li kellu sikkina fuqu għax kien imbeżża’ u li kemm hu kif ukoll ħuh kellhom sikkina li kienu xtraw minn ħanut tas-souvenirs viċin. Dan-Andrei qal ukoll lill-pulizija li huma kellhom ftehim ma’ dan Florian li jgħaddulu 50% tad-dħul mill-prostituzzjoni imma ddejqu f’din is-sitwazzjoni u bdew jaħdmu għal rashom.

Zahra qal ukoll li Dan-Andrei qalilhom li din li bdew jaħdmu għal rashom ma tantx niżlet tajjeb ma’ Florian, fejn dawn qatgħuh barra mill-appuntamenti sesswali li kienu jagħmlu u semma li kienu nġiebu nies li kienu jiġbru l-flus mill-appartament f’Malta biex imbagħad jgħadduhom lil dan Florian.

Dwar il-qtil ta’ Rivas l-istess akkużat kien qal lill-Pulizija li l-vittma ġie mniffed b’sikkina ġo daru. Dan-Andrei qal ukoll lill-Pulizija li ġie Malta biex ikun mat-tfajla tiegħu u żied li huwa, ħuh u kuġinhom ġew Malta minn Sqallija ma’ Florian. Qal ukoll lill-Pulizija li ġew Malta biex joħorġu lit-tfajliet mill-prostituzzjoni għax ħasbu li se jkunu escorts.

L-Ispettur Zahra xehed ukoll li l-akkużat qallu li t-tfajla tiegħu ġiet Malta mal-mara ta’ Florian. Dwar is-sikkina li ntużat waqt id-delitt din qalulu li remewha mit-tieqa tal-appartament. Minkejja dan il-pulizija ma sabithiex. Waqt il-kontro-eżami, l-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi staqsew lill-Ispettur Zahra kienx hemm pjanijiet biex l-imputati jitilqu minn Malta li saru qabel l-inċident.

Ix-xhud wieġeb fl-affermattiv fejn l-Avukati qalu li l-akkużati kienu qed jippjanaw li jitilqu minn Malta fis-16 ta’ Diċembru. Il-kumpilazzjoni se tkompli fid-19 ta’ Jannar li ġej f’nofsinhar. L-Ispettur Kurt Zahra u Brian Xuereb qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Franco Debono, Marion Camilleri u Charmaine Cherret qed jidhru għall-akkużati.

Waqt il-kontro-eżami, l-Avukati Debono u Azzopardi staqsew lill-Ispettur Zahra kienx hemm pjanijiet biex l-imputati jitilqu minn Malta li saru qabel l-inċident.

Ix-xhud wieġeb li iva bl-avukati jgħidu li l-akkużati kienu qed jippjanaw li jitilqu minn Malta fis-16 ta’ Diċembru.

Il-prosekuzzjoni ddikjarat li daqshekk xhieda għal-lum bl-avukati tal-akkużati jgħidu li kellhom dritt għal “full disclosure” mill-investigaturi jiġifieri li kellhom dritt ikunu jafu x’informazzjoni għandhom l-investigaturi b’rabta mal-każ.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fid-19 ta’ Jannar li ġej f’nofsinhar.