Lokali Qorti

Jibda l-każ ta’ tliet uffiċjali tal-Ministeru t’Għawdex fuq qtil involontarju, ħaddiem ieħor jiskansaha grazzi għal telefonata

Ħaddiem kollega ta’ Carmel Attard li tilef ħajtu wara li ċeda saqaf ta’ latrina pubblika fid-Dwejra, Għawdex skansa l-mewt għaliex ħareġ iwieġeb telefonata. Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li kien qed jiprresiedi l-Qorti ta’ Għawdex beda l-każ kontra tliet uffiċjali tal-Ministeru t’Għawdex li jinsabu akkużati bl-omiċidju involontarju ta’ Carmel Attard ta’ 52 sena mix-Xewkija, li miet wara li waqa’ fuqu s-saqaf ta’ toilet pubbliku waqt li kien qed jaħdem f’Marzu tal-2021.

L-akkużati Joseph Cutajar ta’ 44 sena, Direttrur ta’ Eco Għawdex, Vicky Xuereb ta’ 44 sena mill-Munxar – id-Direttur Ġenerali tad-diviżjoni tal-istrateġija u appoġġ tal-ministeru u Joseph Xuereb ta’ 55 mix-Xewkija, il-Manager tal-Ministeru għal Għawdex. li qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Huma kienu tressqu l-Qorti b’ċitazzjoni u mhux b’arrest.

L-Ispettur Bernard Charles Spiteri xehed li fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Pulizija kienet infurmata b’inċident fid-Dwejra li fih waqa’ saqaf ta’ kamra ta’ latrina pubblika u ħaddiem kien inqabad taħta. Il-vittma kien ġie identifikat bħala Carmel Attard, magħruf ukoll bħala Charlie, u li ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Wara l-Maġistrat inkwirenti Brigitte Sultana mexxiet inkjesta dwar l-inċident, li rriżultat f’dawn l-akkużi. Ix-xhud qal li l-Pulizija kienet ikkonsultat ukoll mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol li wkoll qed tmexxi l-każ. It-tliet akkużati kienu ġew mitkellmu matul l-investigazzjoni u ffirmaw volontarjament l-istqarrijit li kienu taw lill-pulizija.

Minbarra omiċidju involontarju, it-tliet uffiċjali qed jiġu akkużati li naqsu milli jissodisfaw ir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li naqsu milli jissorveljaw u jevalwaw b’mod adegwat il-post tax-xogħol, li impjegaw ħames persuni jew aktar u li naqsu milli jżommu evalwazzjoni tas-sigurtà tas-sit, li naqsu milli jiżguraw li l-impjegati kienu lebsin tagħmir tas-sigurtà u li naqsu milli jissalvagwardjaw l-impjegati waqt xogħol ta’ twaqqigħ.

Uffiċjal tal-Pulizija li mar fuq il-post tal-inċident xehed li kien kellem lill-ħaddiema l-oħra preżenti fuq il-post tax-xogħol, li qalulu li kienu impjegati taħt l-iskema ta’ community work, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru t’Għawdex.

Minn informazzjoni li ġabar qal li l-ħaddiema qalulu li kien nstema’ ħafna storbju. Irriżulta li l-ġurnata ta’ qabel seħħ l-inċident, il-ħaddiema kienu waqqgħu s-saqaf ta’ kamra biswit il-kamra tal-banju u kienu fil-proċess li jneħħu d-debris minn dik iż-żona meta nstema’ ħoss qawwi ħafna.

Ħaddiem wieħed qal lill-uffiċjal li qabel kien qed jagħmel l-istess xogħol li kien qed jagħmel il-kollega vitma – iżda kien ħareġ barra u mexa lejn il-kappella biex jieħu telefonata. Hu ma kienx qed iħares lejn id-direzzjoni tal-bini meta seħħ l-inċident u ma kienx qed iħares lejn il-bini meta waqa’ s-saqaf. Raġel ieħor qal li Attard kien qed jaħdem fuq il-bejt tal-istruttura fuq xi planki tal-injam u li dawn ċedew meta waqa’ s-saqaf.

L-uffiċjal tal-pulizija qal ukoll li kien sab il-karozza tal-vittma fuq il-post u sab iċ-ċwievet fl-ignition. Qal li kien ssakkar il-vettura u sussegwentement ta ċ-ċwievet lil mart Attard. Il-vittma kien ċittadin attiv f’raħal twelidu, partikolarment fil-festi reliġjużi u l-festa ta’ San Ġwann Battista.

L-Avukati Michael Schiriha and Natalino Caruana de Brincat qegħdin jidhru għal Joseph Cutajar and Vicky Xuereb, filwaqt li l-Avujat Michael Spiteri deher għal Joseph Xuereb.  Il-każ ikompli f”Jannar li ġej.