Il-captain tal-Kroazja Luka Modric kellu kritika qawwija lejn ir-referee Daniele Orsato wara t-telfa ta’ 3-0 li l-Kroazja kellha kontra l-Arġentina. Hu sejjaħlu bħala “diżastru” u “wieħed mill-agħar”.
Messi ispira lit-tim nazzjonali Arġentin iddomina ħafna mil-logħba iżda l-Kroazja kienet qed tilgħab daqs l-avversarji sakemm wasal l-ewwel gowl minn penalty fl-34 minuta.
Fil-bidu dehret sitwazzjoni ħarxa fuq il-gowlkiper Dominik Livakovic li waqqa’ lil Julian Alvarez iżda fil-verità ftit seta’ jagħmel biex ma jkunx fit-triq tal-attakkant.
Ħames minuti wara l-gowl tal-vantaġġ wasal it-tieni wieħed, skorjat minn Alvarez, b’Messi jservi lill-attakkant ta’ Manchester City għat-tielet gowl fit-tieni taqsima.
“L-Arġentina kien jistħoqqilhom ir-rebħa fil-logħba, kienu l-aħjar imma dawn l-affarijiet iridu jissemmew. Ġeneralment ma nagħmilhomx imma llum iridu jsiru. Ma nħobbx nitkellem fuq referees imma dan hu wieħed mill-agħar. Ma għandix memorja tajba tiegħu, hu diżastru. Għalija ma kienx penalty.” Il-captain Kroat qal li ma jrid jieħu xejn mill-Arġentina iżda fi kliemu l-penalty qatilhom u żied li jridu jirkupra biex jirbħu l-logħba għat-tielet u r-raba’ post.
Minkejja din il-kritika, Modric kellu kliem ta’ tifħir lejn Messi u awguralu għall-finali. “Hu qed ikollu tournament mill-aqwa u qed juri l-kobor u l-kwalità tiegħu. Għalkemm waslet l-eliminazzjoni, dan il-vjaġġ tal-Kroazja f’din l-edizzjoni, għandu xorta jitqies bħala wieħed pożittiv.
//= $special ?>